Internazzjonali

Il-‘Facebook tal-ISIS’ jaħbat mal-intoppi

Il-‘caliphate book’, jew alternattiva għall-Facebook għas-sostenituri tal-ISIS, beda bil-problemi u kellu jispiċċa ‘offline’ jum wieħed biss qabel kien introdott fuq l-internet.

Sadanittant, il-kont ta’ Twitter ta’ 5elafabook.com (imfisser bħala websajt indipendenti u mhux sponsorjat mill-ISIS) spiċċa sospiż f’sitwazzjoni li tenfasizza l-isfidi għas-sostenituri tat-terroristi, fl-Iraq u fis-Sirja, li jridu jferrxu l-messaġġ u jirreklutaw in-nies għall-ġiħad minn fuq l-internet.

Dan ukoll meta s-sostenituri tal-ISIS huma pprojbiti mis-social networks popolari, Facebook u Twitter.

Il-web-page (‘caliphate book’) inkwistjoni għandu dehra dilettanteska u jindika mappa tad-dinja fejn jispikkaw l-emblemi suwed tipiċi tal-ISIS. Mifhum li l-paġna ittellgħet bis-Socialkit; programm li bih wieħed jista’ jipproduċi s-social networks li ħafna drabi jkun jonqoshom l-element professjonali.

Mhux eżattament ċar min waqqaf il-websajt inkella kemm laħaq attira abbonaturi. Dan meta, wara ftit, ittella’ messaġġ fuq il-paġna biex jinforma lin-nies rigward ‘is-sospensjoni temporanja tan-network intiża biex l-informazzjoni u d-dettalji tal-membri jkunu protetti’.