Lokali Parlament Saħħa

Il-Gvern f’sentejn m’għamel ebda kambjament fis-servizzi tas-saħħa

Splodiet il-problema tal-pazjenti fil-kuriduri u s-sitwazzjoni tal-appuntamenti fl-out-patient hi agħar milli qatt kienet

F’sentejn tal-Gvern Laburista s-settur tas-saħħa m’għamel ebda kambjament għall-aħjar kif wiegħed li kien se jagħmel, bis-sitwazzjoni tal-appuntamenti fl-out-patient hi agħar milli qatt kienet, hekk kif splodiet il-problema tal-pazjenti fil-kuriduri.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Primarja, id-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi, fil-Parlament għamel din l-analiżi tas-sentejn ta’ dan il-gvern għas-settur tas-saħħa.

Għalkemm irrimarka li kien hemm xi titjib fi tnaqqis ta’ xi operazzjonijiet, ikkritika lill-gvern li m’għamel xejn biex isaħħaħ is-servizzi tal-kura primarja, u li m’hemm ebda kordinazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, max-xogħol tat-tobba tal-familji u x-xogħol li jsir fil-kliniċi privati.

Semma r-rapport tal-Water Price Cooper li sar fl-2012, fejn kien studjat il-qasam tas-servizzi tal-kura primarja. F’dan id-dokument kien osservat li żewġ terzi tax-xogħol li jsir fis-servizzi tal-kura primarja jsir fil-privat.

Michael Gonzi appella lill-Gvern isaħħaħ is-sistemi u jinvesti bil-qawwa biex it-tobba tal-familja u s-servizzi li jingħataw fil-privat ikollhom aċċess ukoll għall-informazzjoni tal-pazjent li għandha tkun fis-sistema tas-servizzi tas-saħħa pubblika.

Michael Gonzi qal li l-baġit għal din is-sena ftit li xejn tkellem dwar il-qasam tal-kura primarja, li fissirha bħala l-gate keeper tas-saħħa tal-persuna. Spjega li l-kura primarja għandha tkun l-ewwel punt fejn il-persuna għandha tirrikorri biex tgħix aħjar u aktar b’saħħitha.

Wissa li jekk il-kura primarja ma tingħatax aktar importanza, se jkollna problemi fl-iffinanzjar tas-servizzi tas-saħħa.
Staqsa lill-Gvern jgħid u jispjega meta se jsir il-kordinament tant meħtieġ bejn il-privat u l-Gvern. Staqsa meta se ssir webpage għal kulħadd li tkun aċċessibbli għal kull min jaħdem fil-kura primarja fil-privat.

M’hemm xejn lanqas komuni dwar rekord tal-pazjenti li tkun aċċessibbli għal kulħadd u dan biex tingħata l-aħjar kura lill-pazjent.
Appella lill-Gvern jitkellem ċar dwar il-pjani tal-electronic patient record fis-servizzi tas-saħħa. U dan biex ma jkunx hemm dupplikazzjoni tax-xogħol u biex kulħadd ikun jaf il-progress u l-kura ta’ pazjent partikolari.

Ikkritika wkoll is-sistema preżenti li ma tħallix tabib tal-familja jordna testijiet fis-servizzi tas-saħħa pubblika, bil-konsegwenza tkun li l-istess tabib tal-familja jerġa’ jirreferi lill-pazjent biex jerġa’ jibda l-proċess f’ċentru tas-saħħa jew f’Mater Dei skont il-bżonn, b’ħafna telf ta’ żmien għall-pazjent u b’xogħol doppju.

Michael Gonzi fisser li aktar kordinament iwassal għal aktar ħeffa u anqas xogħol fuq is-servizzi tas-saħħa ċentrali li joffri l-Gvern.

Semma wkoll il-follow-ups fl-isptarijiet pubbliċi li ma jkunux aċċessibbli għat-tobba tal-familja. Din hi informazzjoni bażika u importanti għat-tabib tal-familja u jeħtieġ investiment biex din l-informazzjoni tkun ukoll aċċessibbli u għand it-tobba fil-privat.

Semma wkoll kif ċertu appuntamenti għal operazzjonijiet minuri qed idumu biex jingħataw u jsiru, u dan hu ta’ inkwiet.
Staqsa wkoll x’qed isir għall-pazjenti li qed ibatu mid-dahar, li jkunu miġugħin ħafna iżda mhux ta’ operazzjoni. Dawn il-pazjenti ħafna drabi jkollhom bżonn urġenti ta’ servizzi ta’ kura fosthom l-MRI. Dawn qed jitħallew jistennew ix-xhur għal appuntament mal-konsulent u jistennew fit-tul u x-xhur biex il-kundizzjoni medika tagħhom tkun ikkurata, bil-problemi mediċi jikbru u mhux jonqsu.
Pazjenti b’appuntamenti għal neurology wkoll qed jingħataw dati ‘l bogħod wisq, b’ħafna jkunu wkoll b’tul ta’ aktar minn sena.

Staqsa wkoll jekk hux qed issir analiżi tas-sitwazzjoni li minn dejjem kienet u għadha sal-lum – dik li madwar 70% ta’ dawk li jmorru l-Emerġenza jagħmlu dan minn jheddhom u mingħajr ebda referenza minn tabib.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar servizzi miċ-ċentri tas-saħħa biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunità. Ippropona l-bżonn ta’ introduzzjoni ta’ obesity clinic, back pain clinic, health survey clinic u klinika psikoloġika għall-adoloxxenti hekk kif qed naraw xejriet ġodda ta’ żgħażagħ bi problemi għaliex qed jingħalqu f’kamarthom mal-kompjuter.

Dwar dan is-servizz ta’ psikologu fil-komunità, Michael Gonzi saħaq li dan hu ta’ bżonn li jibda jingħata fil-komunità għaliex biex xi ħadd jingħata appuntament ma’ psikologu, sar diffiċli ħafna.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa wkoll jekk għadux jeżisti l-crises intervention unit; x’sar mis-servizz tal-outreach u s-saħħa mentali fil-komunità; u x’qiegħed jagħmel il-Gvern fil-proġett ta’ private public partnership dwar iċ-ċentru tas-saħħa f’Bormla.