Lokali Parlament

Il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu

Il-Ministru Mizzi jrid jispjega t-tariffi ġodda qabel jippubblika r-rapport

Il-Gvern jibqa’ jsostni li jkun hu li jiddeċiedi dwar iż-żmien opportun meta jippubblika l-kuntratt mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, minkejja li diġà ma żammx kelmtu meta kien qal li fil-bidu ta’ Jannar li hekk kif il-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ fis-sena l-ġdida, f’Jannar li għadda, se jkun qiegħed ipoġġi l-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Ministru Joe Mizzi, responsabbli mit-Trasport, kien mistoqsi mix-Shadow Minister Marthese Portelli jispjega meta se jibdew ir-rotot il-ġodda; u jekk il-konsenja ta’ vetturi ġodda hux se jkunu f’Malta sal-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu; u meta se jippubblika l-kuntratt.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni wkoll resqet l-istess domanda titlob lill-Gvern meta se jippubblika l-kuntratt dwar is-servizz tat-trasport pubbliku li beda jitħaddem mill-bidu tas-sena, u x’kienet ir-raġuni li wasslet lill-Gvern jibdel iż-żmien li fih jippubblika l-kuntratt, bil-Gvern ma jweġibx, u bil-Ministru Carmelo Abela li kien qed jirrispondi f’ismu ma kienx jaf jekk il-Ministru Mizzi hux imsiefer fuq xogħol jew le.

Iżda llum fil-Parlament, il-Ministru Joe Mizzi baqa’ jwebbes rasu u jgħid li se jkun hu li jiddeċiedi ż-żmien opportun li jippubblika r-rapport. Iddikjara li mhux se jippubblikah qabel ma ssir il-kampanja ta’ pubbliċità dwar is-servizz li qed jitħaddem; qabel ma jkunu spjegati r-rotot il-ġodda u qabel ma tingħata spjegazzjoni dwar it-tariffi l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ.