Lokali

Il-kampanja SHout tilqa’ evidenza li tappoġġja l-vot favur il-“le”

Il-kampanja Spring Hunting Out (SHout) illum indirizzat l-istampa fil-Floriana u laqgħet il-pubblikazzjoni ta’ evidenza xjentifika li tappoġġja l-vot favur il-‘le’ sabiex tintemm il-kaċċa fir-rebbiegħa.

L-evidenza tinstab f’rapporti uffiċċjali maħruġa mill-gvern, li jikkonfermaw li n-numri tas-summien u l-gamiem jinstabu fl-inqas ammonti qatt osservati fl-Ewropa. L-istudji juru wkoll li l-ammont ta’ summien li jpassi fil-ħarifa fuq Malta hu iktar minn dak li jgħaddi fl-istaġun tar-rebbiegħa. Dan ixejjen żewġ argumenti favur il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ir-rapport uffiċjali maħruġ mill-Wild Birds Regulation Unit dwar il-qagħda ta’ konservazzjoni tas-summien u l-gamiem fl-Ewropa jikkonferma l-aħħar informazzjoni dwar dawn l-ispeċi; u juri li l-qagħda tal-gamiem marret saħansitra għal agħar fi snin riċenti. Tnaqqis ieħor ta’ 3% mill-2012 lil hawn ifisser li t-tnaqqis fil- popolazzjoni tal-gamiema fl-Ewropa hu issa stimat bħala 77% mill-1980.

Mark Sultana, kelliem tal-kampanja SHout, qal, “Dan ir-rapport jikkonferma li kemm il-gamiem u summien għadhom qegħdin jonqsu fl-Ewropa, bin-numri tagħhom l-iktar baxxi fl-istorja. Hu għalhekk li ma jagħmel l-ebda sens li dawn l-għasafar jinqatlu fir-rebbiegħa hekk kif inhu fi triqithom biex ibejtu, għaliex b’hekk mhux se jingħataw ċans jirkupraw.”

Mark kompla, “Malta hi l-unika pajjiż fl-Ewropa li joqtol il-gamiem u s-summien fi triqtu biex ibejjet. Rapporti uffiċjali issa jikkonfermaw li dawn l-ispeċi qegħdin fi stat iktar ħażin u hemm bżonn ntuhom ċans li jkattru. Ma hemmx l-ebda raġuni valida għala għandhom jibqgħu jigu kkaċjati fir-rebbiegħa.”

Rapport ieħor li jippublika riżultati minn studju kkumisjonat mill-gvern biex jistudja l-passa tal-gamiem u summien fil-ħarifa ġie ppublikat fit-2 ta’ Marzu. Waqt li wieħed mill-argumenti favur il-kaċċa fir-rebbiegħa hu li mhux biżejjed minn dawn l-għasafar jpassu fuq Malta fil-ħarifa, l-istudju indipendenti kkonferma li fil-verita iktar summien ipassi fl-istaġun tal-ħarifa milli fir-rebbiegħa.

Mark Sultana kompla, “Dan l-istudju xjentifiku juri li n-numru ta’ summien li jpassi fuq Malta fl-istaġun tal-ħarifa hu iktar minn dak li jpassi matul l-istaġun tar-rebbiegħa u jwaqqa’ kompletament l-argument tal-kaċċaturi favur il-kaċċa fir-rebbiegħa.”

Ir-rapport ikkonkluda li 45,683 summien u 7,956 gamiem passew fuq Malta bejn Settembru u Ottubru tal-2014 waqt l-istaġun tal-kaċċa. Fir-rebbiegħa l-kaċċaturi huma mgħotija kwota ta’ 16,000 minn dawn l-għasafar għaliex jargumentaw li ma jgħaddux biżżejjed numri fil-ħarifa.

Il-kampanja SHout illum tkellmet qabel laqgħa tal-Kumitat Ornis, il-bord konsultattiv għall-gvern fuq għasafar u kaċċa. Il-kumitat hu mistenni li jieħu deċizjoni dwar jekk jirrakomandax il-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa dis-sena. Il-kumitat hu taħt pressjoni mil-lobby tal-kaċċa biex japprova l-ftuħ ta’ staħun ieħor ta’ kaċċa fir-rebbiegħa.

Mark Sultana kkonkluda, “Dawn il-fatti huma ċari u importanti, u kulħadd għandu jifhimhom sabiex jivvota LE fil-11 ta’ April biex inwaqqfu il-kaċċa fir-rebbiegħa darba għal dejjem”.