Internazzjonali

Il-konsumatur se jmur tajjeb minn ftehim dwar il-credit cards

Il-Parlament Ewropew appoġġja ftehim rigward il-massimu tal-ħlas min-naħa tal-bejjiegħa bl-imnut biex jipproċessaw it-tranżazzjonijiet tad-debit u l-credit cards. Intant, l-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qalu li l-ftehim speċifiku għandu jiffranka l-flus lill-konsumaturi.

L-użu tal-credit cards kompla jiżdied, fl-Ewropa, meta fil-preżent hemm mas-760 miljun payment card fiċ-ċirkolazzjoni tul il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (ikkalkulati mal-1.5 għal kull persuna).

Fl-2013, l-ammont tal-pagamenti li ma sarux bil-flus kontanti fl-UE żdiedu b’sitta fil-mija għal 100 biljun ewro. Iżda l-proċess jista’ jirriżulta fi ħlas għoli għall-bejjiegħa bl-imnut li jridu jħallsu miżata għal kull darba li xi ħadd juża l-credit card, u din l-ispiża ta’ spiss jispiċċa jerfagħha l-konsumatur.

Sadanittant, l-UE, illum, qed iddaħħal ir-riformi li jsostnu limitu għall-miżati li l-banek qed jimponu fuq l-intrapriżi għall-ipproċessar tal-pagamenti bil-credit card.