Festi Kultura

Inawgurat mill-ġdid l-Ark Trijonfali fir-Rabat

Ġie inawgurat l-ark trijonfali li jintrama kull sena fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Dan wara għaxar snin ta’ restawr estensiv fuqu.

Din l-inawgurazzjoni kienet akkumpanjata b’daqq ta’ marċi mill-Għaqda Muzikali L’Isle Adam kif ukoll ħruq ta’ musketteriji mill-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu. Dan l-ark, li hu l-aktar wieħed antik fost dawk li għadhom jintramaw fil-Festi Maltin, imur lura għal qabel l-1844, bl-ewwel referenza għalih instabet fl-Osservatore Maltese ta’ dik is-sena.

Fl-1857 saru bosta modifikazzjonijiet lill-ark fuq id-disinn ta’ Salvatore Muscat, li ġie trasformat għad-dehra li naraw illum. L-ark hu magħmul mill-injam u huwa maħsub biex jgħati merħba lill-poplu għal-Festa tal-Patrun tal-Knisja Universali.

Ix-xogħol ta’ restawr sar b’mod volontarju mill-membri tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġuzepp, taħt id-direzzjoni tal-induratur Arthur Vassallo. Il-kuluri intgħażlu skond id-direzzjoni mgħotija mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia li rħama ukoll il-kolonni.

Ir-rettur tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġuzepp, is-Sur Anthony Casha, flimkien mal-moderatur tal-Festi Esterni tal-istess Arċikonfraternita’, s-Sur Adrian Zahra, kixfu żewg plakek kommemorattivi li ġew imwaħħla mal-istess ark biex titfakkar din l-okkażjoni.

L-ark se jkun ukoll fost l-armar li se jitħalla armat għall-okkazzjoni tal-Ingress tal-Eċċellenza tiegħu Mons Charles J. Scicluna, li se jkun qed jgħaddi minn taħtu, fost il-merħba li se jingħata fir-Rabat.

Għal din l-okkażjoni nħarġet ukoll publikazzjoni b’riċerka tas-Sur Jeremy Debono, li ta ħarsa storika lejn din il-forma ta’ tiżjin f’diversi ċelebrazzjonijiet f’Malta, kif ukoll ħarsa partikolari lejn l-istorja tal-Ark Trijonfali li jintrama għall-festa ta’ San Ġużepp, fir-Rabat.