Internazzjonali

It-truppi Iraqqin ‘ikeċċu lill-ISIS’ minn belt qrib ta’ Tikrit

Il-qawwiet tal-Iraq ħatfu lura l-belt ta’ al-Alam li sa ftit ilu kienet okkupata mit-terroristi tal-ISIS; b’dan is-suċċess iwitti t-triq għal assalt aktar effettiv fuq il-belt ta’ Tikrit fil-viċinanzi.

L-Uffiċjali fl-Iraq qalu li t-truppi tal-Gvern, bl-appoġġ tal-milizzji Xiti, kienu daħlu fl-inħawi ta’ al-Alam sigħat ilu u maż-żmien ħadu l-kontroll sħiħ tal-belt.

Iz-zona ta’ al-Alam tinsab lejn it-Tramuntana ta’ Tikrit, il-belt fejn trabba l-eksdittatur Iraqi, Saddam Hussein, u li ilha mis-sajf taħt il-kontroll tal-ISIS. Intant, l-offensiva li l-qawwiet tal-Gvern Iraqi ilhom il-jiem imexxu fuq Tikrit hi l-akbar azzjoni militari, s’issa, fuq dawk it-terroristi li għadhom qed jikkontrollaw bnadi sħaħ tal-Iraq u s-Sirja.