Internazzjonali

Jikber it-tħassib dwar l-abbużi tad-drittijiet umani fl-Azerbaijan

Attivista favur id-drittijiet tal-bniedem li qed tinżamm taħt arrest f’dan il-pajjiż esprimiet inkwiet kbir li qatt mhi se terġa’ tingħaqad ma’ żewġha u bintha.

Leyla Yunus, ta’ 59 sena, u żewġha Arif kienu arrestati matul is-Sajf mill-awtoritajiet Azeri, li akkużawhom bi “tradiment” u talli kienu “spjuni għall-Armenja”. Il-koppja Yunus qed jiċħdu kategorikament li huma ħatja, filwaqt li qed jinsistu li hemm skop politiku wara l-każ tagħhom.

Sadanittant, għadha kemm ħarġet fil-pubbliku ittra li Leyla Yunus kitbet lil Arif, li qabel il-proċess tal-Qorti qed jinżamm f’post separat, biex tgħidlu dwar “il-biża’ li qed tħoss minħabba l-possibbiltà kbira li mhumiex se jeġgħu jkunu flimkien”.

Leyla Yunus qabblet lilha u lil żewġha ma’ Aleksandr Solzhenitsyn, l-istoriku Russu u kritiku kbir tat-totalitarjaniżmu Sovjetiku u Varlam Shalamov, awtur u ġurnalista li, bħal Solzhenitsyn, spiċċa priġunier politiku għal snin fil-kampijiet tal-ħabs (b’dawn it-tnejn jiktbu dwar l-esperjenzi tagħhom fil-‘Gulag’). Intant, Yunus innutat li Solzhenitsyn u Shalamov ma kenux għadhom għalqu t-30 sena meta spiċċaw il-ħabs.

Din l-attivista bassret li hi u żewġha, fix-xhur li ġejjin, iridu jgħaddu minn proċessi tal-qorti finta ‘fuq l-istess stil ta’ċirklu’ u fejn huma jispiċċaw ikkundannati għal bejn għaxar u ħmistax il-sena priġunerija.

Il-Punent ilu jikkundanna l-abbużi tad-drittijet tal-bniedem fl-Azerbaijan li hu mmexxi mill-President, Ilham Aliyev. Fost oħrajn, qed jispikka l-każ tal-ġurnalista investigattiva, Khadija Ismayilova — kontributur għal ‘Radio Free Europe/Radio Liberty’ – li xhur ilu ntefgħet il-ħabs, wara li kixfet il-korruzzjoni ‘rampanti’ tal-Gvern ta’ Aliyev.

Ismayilova beħsiebha tiżvela aktar każi ta’ korruzzjoni mill-Gvern Azeri, fost indikazzjonijiet li hi ngħatat il-priġunerija għal akkużi infondati u wara li hi rrappurtat dwar il-finanzi tal-President Aliyev kif ukoll ta’ martu, Mehriban Aliyeva, u uliedhom.

Ismayilova tinsisti li l-korruzzjoni fl-Azerbaijan ‘jinħass mill-kbir saż-żgħir – mill-President Aliyev sal-iżgħar uffiċjali’. Dan meta l-korruzzjoni politika fil-pajjiż speċifiku saret tirrappreżenta anki l-akbar sfida għall-kumpanniji barranin.

Is-sistemi li jippermettu għal rikatt, tixħim u ‘l-għażla tal-favoriti’ ħallew impatt negattiv għall-kummerċ fl-Azerbaijan minbarra naqqsu l-opportunita għall-kompetizzjoni tas-suq xierqa. Fl-istess ħin il-ġudikatura dgħajfa fl-Azerbaijan u n-nuqqas tal-infurzar u l-implimentazzjoni tar-regolamenti qed iwasslu biex l-Uffiċjali tal-Gvern jaġixxu kif iridu.

Intant, il-burokrazija u l-korruzzjoni fl-Azerbaijan esponew lill-kumpanniji għal ċirkostanzi b’element ta’ sogru qawwi. Dan għaliex filwaqt li l-liġi tal-Azerbaijan tipprojbixxi t-tixħim ta’ uffiċjali barranin, hu probabbli li l-kumpanniji qed jiffaċċjaw id-domandi għal ħlas ‘biex jiffaċilitaw il-proċessi’ minbarra tipi oħra ta’ ħlas informali.