Lokali

“Kont nerġa’ nagħmel l-istess” – Konrad Mizzi

“Konvint li għamilt sew u li kellha tiġri l-istess sitwazzjoni illum, kont nerġa’ nagħmel l-istess”. Hekk stqarr il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi f’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim ta’ hedging għax-xiri tal-petrol u d-diesel. It-tieni rapport fi ftit ġimgħat li fih l-Awditur Ġenerali ċanfar il-Gvern fuq nuqqas ta’ trasparenza.

Hu qal li daħal u ta direzzjoni għaliex f’April tas-sena li għaddiet il-fuel kien se jogħla b’2ċ. Minflok, kien hemm roħs ta’ 2ċ fil-petrol u l-prezz tad-diesel baqa’ l-istess grazzi għal dan il-ftehim li kien is-suġġett ta’ konferenza tal-aħbarijiet bil-pompa kollha f’Kastilja mill-PM Joseph Muscat. Konrad Mizzi qal li d-direzzjoni ministerjali li ta f’dan il-każ kienet biex l-Enemalta tibqa’ fis-suq u “ssuġġerixxa li javviċinaw lis-SOCAR trading”, il-kumpanija sussidjarja ta’ tal-kumpanija taż-żejt tal-Gvern tal-Azerbaijan. Il-Ministru kompla li Artiklu 12 tal-Liġi dwar l-Enemalta jagħtih is-setgħa legali biex jagħti direzzjoni ministerjali.

Konrad Mizzi qal li għall-ewwel SOCAR ma kienux interessati u mistoqsi għaliex “reġa bdielhom”, il-Ministru wieġeb “għax talbithom l-Enemalta u fid-dawl tal-kuntatti bejn iż-żewġ naħat u l-fatt li SOCAR hi parti mill-konsorzju li rebaħ il-kuntratt biex jibni l-power station il-ġdida.”

Il-Ministru qal li dan il-ftehim ta’ hedging hu biss wieħed minn għexieren li saru f’dawn l-aħħar sentejn. Hu kompla li l-Enemalta għamlet telf ta’ €5.6 miljun f’dan il-ftehim partikolari, iżda din iċ-ċifra mhux it-telf komplessiv minn dan il-hedging għaliex il-qliegħ minn hedges oħrajn għamlu tajjeb għal oħrajn.

Konrad Mizzi qal li ħa nota tan-nuqqasijiet amministrattivi ta’ dokumentazzjoni li ssemmew mill-Awditur Ġenerali u fakkar kif l-istess Awditur Ġenerali innota li kien hemm titjib fil-proċess ta’ dokumentazzjoni min-naħa tal-Enemalta fil-proċessi ta’ xiri u hedging. Għaldaqstant il-mistoqsija tiġi waħedha: Jekk kien hemm dan it-titjib fil-proċeduri, għaliex tfaċċaw dawn in-nuqqasijiet propju fil-hedge li fiha ta direzzjoni l-Ministru li fiha issuġġerixxa lis-SOCAR u li ssarrfet f’telf għall-Enemalta u fuel għoli għas-sewwieqa Maltin?