Koppja, li kellha safety deposit box fil-fergħa tal-Bank of Valletta f’San Ġwann, ġiet illiberata minn akkużi li ffrodat lill-BOV is-somma ta’ €40,000 f’każ stramb u kollu taħwid. Il-Qorti ddikjarat li saru żbalji ħoxnin, kemm min-naħa tal-bank kif ukoll min-naħa tal-Prosekuzzjoni.
Il-każ seħħ fil-5 ta’ Settembru tal-2010 u fix-xhur ta’ qabel meta l-bank kera safety deposit box lill-koppja Mangion meta din kienet ilha tinkera minn koppja, Maria u Victor Xuereb, għal 10 snin. Kienet il-koppja Xuereb li ma nstabux ħatja ta’ frodi u li għamlu qliegħ b’qerq għad-dannu tal-bank.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta, qalet li ma tistax tifhem kif f’dan il-każ tressqu l-koppja Xuereb u ma tressqitx il-koppja Mangion.
Fil-Qorti ħareġ li l-koppja Xuereb kienet qed tuża s-safety deposit box b’mod regolari u f’mument minnhom l-istess kaxxa tad-depożiti ngħatat lill-koppja Mangion. Mangion kien għamel rapport meta sab xi dollari li ma kinux tiegħu, u għalhekk waqqaf il-kuntratt u ġibed flusu li ma kinux intmissu. Dawn kienu jinkludu €40,000 li skont l-istess Mangion kienu mpoġġijin ftit ġranet qabel. Dakinhar ħadd ma kien rahom ipoġġu din is-somma hemm.
Meta l-bank informa lill-koppja Xuereb dwar dan kollu, dawn sabu li d-dollari li huma kienu ddepożitaw kienu għadhom hemm, imma €40,000 kienu neqsin. Il-BOV irrikonoxxa l-iżball u tahom l-€40,000. Iż-żewġ koppji għalhekk spiċċaw b’€40,000 kull wieħed.
Il-Qorti qalet li wieħed ma jistax ma jikkummentax dwar l-iżball li għamel il-BOV fejn assenja l-istess safety deposit box liż-żewġ klijenti fl-istess ħin. Dan l-iżball juri wkoll nuqqas ta’ responsabbilità u professjonalità tal-impjegat inkarigat li jidher li rċieva l-passi dixxiplinarji neċċessarji.
Il-Qorti qalet li dan l-iżball ta lok għal din is-saga fejn min-naħa waħda hemm il-koppja Mangion li, waqt li mhumiex jirrappurtaw nuqqas ta’ flus, kienu lmentaw li fil-kaxxa tagħhom sabu kwantità ta’ dollari Amerikani li ma kinux tagħhom.
Min-naħa l-oħra l-koppja Xuereb li kienet ilha tikri l-istess safety deposit box għal madwar 10 snin u li kienu jużawha b’mod kontinwu.
Sena wara dak li kien seħħ, il-Pulizija avżat lill-koppji li kienu qed jiftħu inkjesta fuq dak li kien seħħ. Mill-provi rriżulta li qatt ma kien ġie spjegat minn fejn oriġinat it-talba ta’ investigazzjoni għax qatt ma ġiet ippreżentata l-kwerela relattiva u lanqas qatt ma ġie spjegat għaliex l-investigazzjoni bdiet kważi sena wara l-inċident.
Il-Qorti qalet li l-ispjegazzjoni dwar dan it-taħwid kollu mhux faċli li tingħata. Il-Qorti staqsiet ta’ min kienet r-responsabbilita’ ta’ dak li ġara u min ħa l-€40,000. Minħabba d-dubji kollha li jeżistu, il-koppja Xuereb ma tistax tinstab ħatja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca.
//= $special ?>