Internazzjonali

L-attakk fuq is-settur taż-żejt jenfasizza l-problemi għall-paċi fil-Libja

L-attakk tal-ISIS fuq iz-zona ta’ Al Ghani li tipproduċi ż-żejt enfasizzat id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw it-taħditiet għall-paċi fil-Libja, li huma sponsorjati min-Nazzjonijiet Uniti u li għandhom ikomplu din il-ġimgħa.

Filwaqt li l-Libjani ilhom is-snin jgħixu mill-kaos u l-inċertezza wara l-kroll tar-reġim immexxi mill-eksdittatur, Muammar Gaddafi, l-attakk tal-ġimgħa l-oħra fuq l-inħawi ta’ Al Ghani jindika element ġdid ta’ periklu – u mhux biss għaliex it-terroristi qatgħu l-irjus tal-gwardjani tas-sigurta filwaqt li ħatfu numru ta’ ħaddiema barranin.

Fil-fatt, jidher li l-aggressuri ma ħatfux iz-zona biex ‘sempliċiment’ jinsistu b’numru ta’ domandi politiċi jew finanzjarji. Intant, l-indikazzjonijiet huma li l-aggressuri, f’dan il-każ, xtaqu li jagħtu wirja ta’ saħħa li ssostni t-twissijiet preċedenti tal-ISIS fis-sens li qed jippruvaw iżidu l-influwenza tagħhom fil-Libja.

It-terroristi f’Al-Ghani, skont ma qalu l-membri tas-sigurta fl-inħawi, ‘daħlu hemmhekk u qabel telqu ħadu ħsieb li jaħarqu l-faċilitajiet, minbarra li joqtlu lill-gwardjani u jaħtfu l-ħaddiema bħala ostaġġi’.

L-aggressuri ma ħarġux stqarrija iżda l-indikazzjonijiet kollha huma li t-terroristi f’dan il-każ kienu l-ISIS, li kemm il darba ftaħru dwar il-kapaċita tagħhom ‘biex joqtlu s-suldati u ċ-ċivili fil-Libja’. Dan meta r-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino Leon, qal diġa li l-ISIS ‘m’huma se jżommu lura minn xejn biex isaħħu l-preżenza tagħhom fl-artijiet Libjani’.

Sadanittant, l-awtoritajiet tal-Bangladesh identifikaw ċittadin ieħor (it-tieni wieħed) fost il-grupp tal-ħaddiema barranin li nħatfu ostaġġi mill-ISIS, f’Al Ghani.

Għalissa mhux magħruf x’sar mill-ħaddiema li, minbarra ż-żewġ ċittadini tal-Bangladesh, jinkludu numru ta’ Filippini u tlieta oħra li ġejjin mill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka u l-Gana, rispettivament. Hu mifhum li l-ħaddiema kienu jaħdmu mal-Value Added Oilfield Services (VAOS) li hi bbażata f’Ħal Qormi.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Bangladesh identifika lit-tieni ċittadin maħtuf bħala residenti ta’ Noakhali u qal li l-uffiċjali Libjani aċċertaw lill-Ambaxxata fi Tripli li qegħdin jagħmlu l-isforzi kollha biex l-ostaġġi jinħelsu.

Rapporti oħra qalu li l-Libja għalqet żewġ zoni li jippruduċu ż-żejt fl-inħawi tal-Lvant minħabba raġunijiet tas-sigurta u peress li l-faċilitajiet u l-kumplessi (taż-żejt) fil-pajjiż saru mira speċifika għall-vjolenza. Mifhum li membri tal-istaff kienu evakwati miċ-ċentri għall-produzzjoni ta’ Zella u Fida li jinsabu viċin zoni simili li fl-aħħar jiem sfaw attakkati mill-ISIS u gruppi oħra ta’ militanti .