Lokali

“L-indħil ta’ Konrad Mizzi wassal biex il-Maltin insterqu fil-pompi tal-petrol” – Simon Busuttil

L-indħil dirett tal-Ministru Konrad Mizzi fix-xiri tal-fuel ifisser “deal” ieħor jinten li sewa l-miljuni lill-poplu Malti. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fir-reazzjoni uffiċċjali tal-PN għal rapport ieħor tal-Awditur Generali li għal darb’oħra ċanfar l-aġir tal-Gvern.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Simon Busuttil kompla li grazzi għar-rapport tal-Awditur Generali, il-poplu issa jaf għaliex kien qed jinsteraq fil-pompi tal-petrol: dan kien l-indħil dirett tal-Ministru Konrad Mizzi li ordna li x-xiri jsir direttament mill-kumpanija SOCAR tal-Azerbaijan u li sewa’ €14-il miljun f’telf għall-Enemalta.

Dan kollu juri stil ta’ tmexxija mill-Gvern ta’ Joseph Muscat li hu perikoluż ħafna, tmexxija b’indħil politiku.

Il-Kap tal-Opposizzjoni qal li dan l-indħil qed iqajjem iktar suspetti serji meta wieħed jiftakar li l-Prim Ministru nnifsu, flimkien mal-Ministru Konrad Mizzi marru żjara fl-Azerbaijan mingħajr ma ħadu magħhom uffiċċjali pubbliċi u l-media.

Simon Busuttil irrefera wkoll għall-ewwel sentejn tal-Gvern Laburista fejn Joseph Muscat qal li l-poplu huwa sorpriż b’dak li akkwista fl-aħħar sentejn. Hu qal li l-poplu hu tassew sorpriż, izda ghall-mod kif Joseph Muscat daħaq b’kulħadd u kiser l-iktar wegħdiet importanti li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali.