It-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, ivvutaw kontra rapport mhux leġislattiv li kien approvat illum mill-Parlament Ewropew minħabba li kien jinkludi klawsola li tagħti d-dritt lill-mara biex tagħmel abort. Il-qofol tar-rapport, imħejji mill-MEP Belġjan Marc Tarabell, jenfasizza fuq id-drittijiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.
Madankollu, fi stqarrija t-tliet MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista qalu li minħabba r-referenza għall-abort f’parti mir-rapport, huma ħassew li kellhom jivvutaw kontra. Fl-istqarrija ngħad li t-tliet MEPs jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u huma kommessi li jaħdmu aktar b’risq dan l-għan. Madankollu, sostnew il-pożizzjoni kategorika tagħhom kontra l-abort.
Casa, Metsola u Comodini Cachia esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li rapport dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kien iddominat minn xi persuni jew għaqdiet li riedu akkost ta’ kollox idaħħlu referenza “inaċċettabbli” għall-abort. Huma fakkru fil-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, li dejjem sostna li suġġett bħal dan għandu jibqa’ ta’ kompetenza esklussivament tal-Istat Membru u għalhekk m’għandu jkun hemm l-ebda indħil mill-Unjoni Ewropea.
It-tliet MEPs f’isem il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li vvutaw favur l-emendi kollha li appoġġjaw tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Madankollu, huma ma kellhomx għażla oħra ħlief li jivvutaw kontra r-rapport sħiħ u b’hekk isaħħu l-oppożizzjoni tagħhom kontra l-abort.
//= $special ?>