Lokali

Meta suppost kien qed jiftaħ il-Power Station il-ġdida, Muscat għamel biss ċerimonja biex jitfi dik tal-Marsa

Minflok fetaħ il-Power Station il-ġdida, ilbieraħ il-Prim Ministru Joseph Muscat tefa’ dik tal-Marsa f’ċerimonja li saret maġenb it-Turbina 8 tal-Marsa ‘B’ Power Station.

Waqt id-diskorsi tagħhom fiċ-ċerimonja, kemm il-Prim Ministru Muscat kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi qalu li għalkemm l-elettriku issa se jibda jingħata kollu mill-Power Station ta’ Delimara, dik tal-Marsa se tkun qed tinżamm fuq ‘cold stand-by’. Dan ifisser li jekk ikun hemm bżonn tinxtegħel, dan ikun jista’ jsir f’qasir żmien.

Diversi kelliema wasslu r-ringrazzjamenti tagħhom lill-ħaddiema tal-Enemalta, akkumpanjati minn filmat li jispjega l-istorja tal-Marsa ‘B’ Power Station. Madankollu, ħadd ma semma’ kif suppost li fl-istess ħin, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jinawgura l-Power Station il-ġdida minflok ma jagħlaq dik tal-Marsa.

Lanqas ma ma ssemma’ mkien li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Joseph Muscat kien wiegħed lill-ħaddiema tal-Enemalta li l-Korporazzjoni mhux se tkun privatizzata. Anzi, f’diskors li sar mill-Inġinier Frederick Azzopardi, intqal li qed jiddaħħal sens ta’ responsabbiltà kummerċjali tal-entità, li se tkun qed toffri s-servizz tal-elettriku f’pajjiżna.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-poplu tal-Marsa u tan-nofsinhar ta’ Malta qed jieħu nifs kbir ‘il ġewwa. Semma’ lin-nies ta’ Marsaxlokk u qal li dawn qed jersqu lejn enerġija ambjentalment aħjar. Madankollu, ma semmiex kif in-nies ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa se jkollhom tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk.