Lokali Parlament

Oppożizzjoni effettiva b’politika onesta u ġusta

Fis-sentejn li ilu jiggverna Muscat wera b’mod evidenti li mhux trasparenti, mhux kontabbli u mhux ġust

Quddiem Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat li fis-sentejn li ilu jiggverna wera b’mod evidenti kemm ma kienx trasparenti, ma kienx kontabbli u ma kienx ġust, l-Oppożizzjoni kienet effettiva, ikkritika il-bejgħ taċ-ċittadinanza, ikkritikat il-prezzijiet għoljin tal-petrol u wasslet biex traħħas il-petrol. Oppożizzjoni li kienet il-vuċi għal min sofra l-inġustizzji u t-transfers, u sors ta’ politika onesta u ġusta.

Dan iddikjarah fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Artijiet, MEPA u Infrastruttura, fid-dibattitu dwar Abbozz ta’ Liġi li qed idaħħal żidiet fil-ħlasijiet fuq 400 servizz li qed jgħaddihom fuq il-poplu. Din hi turija ta’ nuqqas ta’ kuxjenza soċjali ta’ dan il-Gvern li issa għalaq sentejn fil-Gvern minn meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

Dan hu gvern li għadu qed jibda miexi bħat-tfal ta’ sentejn li jibdew jitilqu jimxu. Suppost li dan hu gvern li telaq jimxi iżda kien hawn min qed jgħid li telaq b’għaġla bħal fenek, u li dan qed jiswa ħafna għall-poplu.

Appella lill-poplu jagħmel analiżi tas-sentejn ta’ dan il-gvern. Staqsa jekk f’dawn is-sentejn żdiditx il-meritokrazija li tant wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni li għaddiet. Karigi li ngħataw fuq il-mertu ta’ position of trust, fuq il-ħbiberija, iżda mhux fuq il-mertu ta’ kompetenza.

Bħala eżempji semma l-ħatra tal-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, il-ħatriet ta’ Ambaxxaturi li ngħataw kariga fuq ħbiberija, il-ħatriet lill-ħbieb u lil tal-qalba fosthom il-Kapijiet Eżekuttivi fi Transport Malta u fil-MEPA.

Irrifera wkoll għall-ħatra taċ-Chaiperson taċ-CHOGM, li l-persuna magħżula minn dan il-Gvern qed toħroġ il-faqar tagħha kif kien evidenti fl-intervista pubblikata l-Ħadd li għadda fis-Sunday Times.

B’kuntrast mad-deċiżjoni tal-Gvern li daħħal u żied numru ta’ taxxi, Ryan Callus qal li kienet l-Oppożizzjoni li ħadmet biex il-Gvern ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel meta ż-żejt illum tant niżel.

Fakkar li meta Muscat kien niżżel in-nies fit-toroq, il-petrol f’Jannar tal-2011 kien 3ċ orħos u d-diesel 6ċ orħos. Fisser dan bħala ċertifikat tat-taxxa tal-inkompetenza b’miżura antisoċjali.

Fisser li Muscat kien wiegħed li se jkun l-aktar gvern trasparenti fl-istorja politika ta’ pajjiżna, iżda l-verità hi li l-Gvern żamm moħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners, u meta ġie ppubblikat, ħafna klawsoli tħallew moħbija. Il-kuntratt dwar il-power station għadu moħbi sal-lum.

Fis-sentejn ta’ dan il-Gvern, fuq il-wegħda tal-kontabbiltà, rajna wkoll Ministri li lanqas iddikjaraw il-flus tagħhom u kien hemm min iddikjara fil-pubbliku li ħalla nofs miljun taħt is-saqqu; Ministru tagħmel żvilupp mingħajr permessi; u bl-akbar skandlu jkun tal-Prim Minsitru dwar Cafè Premier.

Fisser li l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali li saret fuq talba tal-Oppożizzjoni, ħarġet li kien hemm email mill-Prim Ministru lill-Kap taċ-Ċivil jagħtih il-go ahead għal ħlas ta’ €4.2 miljun biex ħallas minn flus il-poplu b’mod skandaluż lil kumpanija li kienet falluta.

Staqsa jekk il-Prim Ministru hux se jilqa’ l-isfida li għamel Simon Busuttil, li ladarba ammetta li kien żball, hux se jwaqqaf il-ħlasijiet li fadal li jingħataw għall-Cafè Premier. Ryan Callus saħaq iżda, li dan hu żball politiku u għandu jerfa’ r-responsabbiltà għalih ħadd ħlief fil-Prim Ministru għaliex kien hu li involva ruħu fih.

Filwaqt li spjega li ħadd ma rċieva l-invit għall-ftuħ tal-power station il-ġdida li Muscat kellu jlesti f’sentejn, minflok qed jagħlaq il-power station l-antika. Filwaqt li hu tajjeb li l-power station l-antika qed jagħlaqha, irrimarka li dan hu wkoll mertu tal-gvern Nazzjonalista għaliex wettaq investiment tal-interconnector u l-impjant tal-BWSC li żied il-ġenerazzjoni tal-elettriku.

Sejjaħ lil dan il-gvern bħala gvern tad-double standard. Bħala eżempju semma kif il-Prim Ministru ta lil Cafè Premier bail out ta’ €4.2 miljun biex ineħħi ċilindru tal-gass mill-bini ta’ Cafè Premier, iżda ma ddejjaq xejn idaħħal tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Ryan Callus sejjaħ ukoll bħala double standard l-aġir tal-Gvern li ma riedx idum il-Qorti fuq il-każ tal-Cafè Premier meta l-Gvern kellu kollox favurih fil-kawża, iżda fil-każ taż-żewġ siġġijiet ried jieħu l-każ il-qorti u qed ikomplih sal-aħħar.