Il-prezzijiet li ħabbar il-Gvern għal titjiriet tal-Air Malta, biex Maltin li jinsabu barra mill-pajjiż jirritornaw biex jivvutaw, huma meqjusa għolja minn diversi persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com li lmentaw ukoll li l-jiem allokati għall-ivvjaġġar se jagħmluha iktar diffiċli għalihom biex jirritornaw f’Malta fil-ħin.
Il-prezz għal dawn it-titjiriet żdied bi kważi d-doppju hekk kif sal-elezzjonijiet tas-sena li għaddiet dawn kienu jiswew €35 għal kull persuna eliġibbli li tivvota u għal kull dipendenti tagħha, inkluż mart jew żewġ il-persuna Maltija. Din is-sena, l-Air Malta qed tbiegħhom għal €70 kull persuna.
Persuni li kienu jixtru dawn il-biljetti kienu wkoll jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta biex jivvutaw ġimgħa qabel jum il-votazzjoni. Din id-darba madankollu, id-dati disponibbli min-naħa tal-Air Malta huma biss mit-Tnejn ta’ qabel jum il-votazzjoni.
Dan se jfisser li persuni li jridu jivvjaġġaw lejn Malta jridu jagħmlu dan sa mhux iktar tard mill-Ħamis, inkella jitilfu l-possibiltà li jivvutaw għax ma jkunux laħqu ġabru d-dokument tagħhom tal-vot.
Ir-referendum dwar il-kaċċa u l-elezzjoni għall-kunsill lokali f’numru ta’ lokalitajiet se ssir nhar is-Sibt 11 t’April.
//= $special ?>