Internazzjonali

Ra b’għajnejh il-qtil ta’ ostaġġ minn Jihadi John

Eksmembru tal-ISIS li rnexxielu jaħrab lejn it-Turkija qal li kien ra b’għajnejh lit-terrorista Britanniku, imlaqqam ‘Jihadi John’, qed jaqta’ ras ostaġġ Ġappuniż.

Ir-raġel, magħruf biss bl-isem ta’ Saleh, qal ukoll, waqt intervista lil Sky News, li Jihadi John, it-terrorista mgħammad li jidher fid-diversi filmati dwar il-qtil tal-ostaġġi (fuq l-Internet), hu persuna mlaħħqa fost l-ISIS filwaqt li jgawdi ‘ċertu rispett’ fost it-terroristi.

Jihadi John – ismu proprju Mohammed Emwazi u sa ftit ilu residenti ta’ Londra – deher l-aħħar fuq filmat li ntbagħat fuq l-internet u fejn allegatament jidher ukoll il-katavru tal-ostaġġ Ġappuniż, Kenji Goto.

It-terrorista mgħammad kien deher għall-ewwel darba, f’Awwissu, permezz ta’ filmat fejn qed joqtol lill-ġurnalista Amerikan James Foley fl-artijiet okkupati mill-ISIS.