Lokali Parlament

Residenti fil-Fgura jilmentaw dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb

Il-Ministru Konrad Mizzi ma jippreżentax ir-rapporti li juru li l-kwalità tal-ilma hi tajba kif kien qed jgħid

Residenti fil-Fgura qed jilmentaw dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb, bil-Ministru Konrad Mizzi jibqa’ jinsisti li l-kampjuni li qed jittieħdu mil-lokalità qed juru li l-ilma tal-vit hu tajjeb għax-xorb, iżda jirrifjuta li jippubblika r-rapporti li jindikaw li l-ilma hu ta’ kwalità.

Aktar kmieni din is-sena, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici kien talab fil-Parlament lill-Ministru Konrad Mizzi, jara jekk il-kwalità tal-ilma tal-vit li qed jirċievu r-residenti tal-Fgura, huwiex tajjeb għax-xorb billi kien hemm numru ta’ lmenti dwar dan lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’dawn l-aħħar xhur.

Minkejja li l-Ministru Konrad Mizzi nsista f’żewġ tweġibiet li ta lid-Deputat Nazzjonalista, li l-ilma hu ta’ kwalità tajba, il-Ministru Konrad Mizzi irrifjuta li jippreżenta r-rapporti li saru b’rabta mat-testijiet ta’ monitoraġġ fuq l-ilma tal-vit fil-Fgura.

Il-Ministru Mizzi kien qal fit-tweġiba li ta bil-miktub fil-Parlament, li minn diversi kampjuni li jittieħdu mil-lokalità tal-Fgura bħala parti mill-programm ta’ moniteraġġ, il-kwalità tal-ilma tal-vit hija tajba għax-xorb.

Għal din ir-risposta, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici kien staqsa lill-Ministru jippreżenta kopja tar-rapporti li saru minħabba li kien għad hemm ilmenti fuq il-kwalità tal-ilma fil-Fgura.

Iżda fir-rispsata li ta, il-Ministru Mizzi qal biss li l-kwalità tal-ilma fil-Fgura tiġi ċċekkjata kull xahar, u ma ppreżenta ebda rapport kif talab id-Deputat Nazzjonalista.