Lokali Saħħa

Shadow Minister tgħaddi dettalji lis-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa ta’ familja bi problema li l-Gvern jgħid li ma teżistix

Tinsisti li hemm capping fuq l-ordni tal-Cochlear Implant Freedom

Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg se tgħaddi l-informazzjoni lis-Segretarju Parlamentari Chris Fearne bid-dettalji ta’ familja li wild tagħha qed tistenna biex isir upgrade ta’ cochlear implant.

Dan wara li s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ddikjara fil-Parlament li m’hemmx diffikultajiet, jew tfal jistennew, minħabba xi problemi li jeżistu fl-implant waqt li qal ukoll li fil-preżent hemm l-ispareparts kollha meħtieġa.

Għal din l-assigurazzjoni tas-Segretarju Parlamentari, ix-Shadow Minister Claudette Buttigeg infurmat lill-Kamra li kienet se tgħaddi personalment id-dettalji ta’ familja li għandha problema.

Ix-Shadow Minister staqsiet lill-Ministru Konrad Mizzi li ma kienx preżenti fil-Parlament għall-ħin tal-mistoqsijiet, jikkonferma li hemm mudell ta’ Cochlear Implant Freedom li qed jintuża minn pazjenti Maltin li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu obsolete.

Staqsiet ukoll lill-Ministru Konrad Mizzi jikkonferma li l-processors tal-Cochlear Implant Freedom li se jkunu obsolete, ma jistgħux jissewwew.

Claudette Buttigieg staqsiet ukoll jekk hemmx numru li qed jiġi stabbilit ta’ dawn l-implants li għandhom jinxtraw u li ma jkunx ilaħħaq man-numru meħtieġ għall-bżonnijiet tas-17-il persuna, fil-maġġoranza tagħhom tfal u adoloxxenti, li għalihom dan l-implant hu neċessarju u meħtieġ biex jegħlbu l-kundizzjoni tas-smiegħ tagħhom.

Filwaqt li x-Shadow Minister insistiet li hemm capping fuq l-ordni ta’ dawn l-implants, is-Segretarju Parlamentari baqa’ jiċħad dan.