Tfajla irappurtat lill-Pulizija tallega li ġiet struprata, fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, minn żagħżugħ li kellu jwassalha d-dar. L-allegat stupru seħħ fil-karozza taż-żagħżugħ fi Triq il-Fortizza, il-Mosta.
It-tfajla, li ammettiet li kienet ftit xurbana f’Paceville, qalet li hi fdat liż-żagħżugħ biex iwassalha d-dar għax seħbitha, li hi ħabiba ta’ sieħeb iż-żagħżugħ, qaltilha li kien ta’ min jafdah u li ma kienx l-ewwel darba li kien wassalha d-dar. Huma telqu minn Paceville wara l-4.15am.
Spjegat li għall-ewwel, kienet hi fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza, żagħżugħ ieħor li mbagħad ħareġ mill-karozza, u s-sewwieq.
It-tfajla spjegat li wara li niżel it-tieni żagħżugħ mill-karozza, dak li kien qed isuq waqqaf il-karozza, ħareġ minnha u daħal fuq is-seat ta’ wara. Qalet li beda jbusha u jmissha u għalkemm hi bdiet tgħidlu biex jieqaf, dan baqa’ jinsisti u jgħidilha biex tgawdi l-mument. It-tfajla bdiet tagħti liż-żagħżugħ fuq wiċċu imma dan taha daqqa fuq għajnha. It-tfajla allegat li ż-żagħżugħ stupraha imbagħad telaq minn fuq il-post.
Qalet ukoll li ċemplet lil ħabib tagħha imma sadattant bdiet tiġri ‘l bogħod għax beżgħet li ż-żagħżugħ jirritorna fuq il-post. Sadattant ilaqgħet ma’ tfajla li kienet qed issuq karozza u li malli qaltilha x’kien ġralha, wasslitha d-dar.
It-tfajla allegat ukoll li l-għada, sieħeb iż-żagħżugħ li hu l-ħabib ta’ seħbitha, mar iżurha d-dar u beda jidħaq biha meta qaltlu li kienet ġiet stuprata minn sieħbu. Allegat li ż-żagħżugħ qalilha li jekk kienet inħaslet, il-Pulizija ma setgħux jirreġistraw rapport. Qalilha wkoll li hu kien pulizija u li l-Pulizija ma kienet se tagħmel xejn jekk hi tmur tirrapporta, għax huma ħbieb tiegħu.
Il-każ madankollu ġie rrappurtat fl-Għassa tal-Mosta u l-Pulizija qed tinvestiga l-inċident.
//= $special ?>