Internazzjonali

Theddida kontra l-prodotti tal-ħalib fi New Zealand

L-awtoritajiet fi New Zealand qalu li koperattiva tal-biedja nazzjonali u l-kumpanija Fonterra, magħrufa għall-prodotti tal-ħalib, irċivew ittri ta’ theddid minn persuni li qalu li jistgħu jivvelenaw il-prodotti inkwistjoni.

L-uffiċjali qalu li l-Federated Farmers u Fonterra rċivew l-ittri anonimi f’Novembru, flimkien ma’ pakketti b’sustanza kontaminata. L-ittri jidhru li huma parti minn protesta dwar l-użu ta’ tip ta’ pestiċidi fl-agrikultura.

Il-persuna jew grupp li bagħathom qed jgħidu li lesti jgħaddu għall-fatti jekk ma jiqafx l-użu tal-element ‘1080’ (il-pestiċida) sal-aħħar ta’ Marzu.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, John Key, qal li l-aħbar qed toħroġ issa minħabba li żdiedu l-mistoqsijiet tal-istampa. Hu fisser it-theddida bħala forma ta’ ekoterroriżmu iżda fl-istess ħin sostna li l-konsumatur jista’ jserraħ rasu mill-formula tal-ħalib.

Hu żied li hemm possibbiltà żgħira ferm li t-theddida sseħħ fil-verità iżda ried jagħmilha ċara li l-pulizija u l-ministri qed jittrattaw il-każ bis-serjetà u li ttieħdu l-passi kollha biex iwieġbu għat-theddida u jaċċertaw is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel.