Lokali

Tkompli tikber r-rabja tal-eks ħaddiema tax-Xatt

Għaddew xahrejn oħra, jiġifieri għaddew b’kollox kważi sitt xhur minn meta s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Tony Zarb kien wissa lill-Gvern biex ma jibqax idur mal-lewża fil-kwistjoni tal-flus li l-eksħaddiema tax-Xatt u l-werrieta tagħhom għandhom dritt għalihom mill-Fond tal-Pensjoni u l-Kontinġenza, u l-ħaddiema mhux biss għadhom ma ħadux dak li ħaqqhom, imma qed jinżammu għal kollox fil-għama dwar dak li għaddej bejn il-Gvern u l-GWU.

Dan qed ikompli jinkwieta bis-sħiħ lil dawn il-ħaddiema li jinsabu rrabjati ferm, aktar u aktar meta minn dak li saru jafu b’mod mhux uffiċjali, jidher li x’aktarx sar progress dwar is-somma li se tingħata lill-ħaddiema, u x’aktarx li din ġiet ivvutata, għalkemm ma kienx hemm qbil dwar kif se jingħataw dawn il-flus.

Għalhekk, spjegawlna eksħaddiema tax-Xatt li ġew ikellmuna, huma ma jistgħux jifhmu x’qed iżomm milli huma jibdew igawdu dak li hu bi dritt tagħhom – flus li ħallsu huma jew il-qraba tagħhom tul għexieren ta’ snin.

Mill-ftit li dawn il-ħaddiema rnexxielhom isiru jafu minn hawn u minn hemm, jidher li kulma jonqos hu li l-Kabinett jiġi nfurmat fejn waslu t-taħditiet bejn rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura fuq naħa, u s-Segretarju Ġenerali tal-GWU u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fuq in-naħa l-oħra, biex il-membri tal-Kabinett jagħtu l-approvazzjoni tagħhom.

Jidher, iżda, li għal dawn l-aħħar ġimgħat, minkejja diversi wegħdi li saru, il-każ tal-eksħaddiema tax-Xatt – daqqa bi skuża u daqqa b’oħra – baqa’ ma tressaqx fil-laqgħa ta’ kull ġimgħa tal-Kabinett.
Jingħad li r-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema – li ġew iffaċċjati minn ħaddiema li gew ikellmuna – għamlu pressjoni fuq il-GWU, li lmentat mal-Prim Ministru dwar din is-sitwazzjoni insapportabbli, u l-ħsieb taghħa hu li fl-1 t’April tlaqqa’ lill-eksħaddiema tax-Xatt u tinfurmahom fejn waslu d-diskussjonijiet.

Ta’ min ifakkar li qabel l-elezzjoni ta’ sentejn ilu l-GWU kienet thedded lill-Gvern preċedenti bil-vot dwar it-talbiet ta’ dawn il-ħaddiema, b’Muscat kien wiegħed li malli jsir Prim Ministru jagħti lil dawn il-ħaddiema dak li ħaqqhom. Xi ħaġa, innutaw ħaddiema li tkellmu ma’ ‘In-Nazzjon’ li issa ilu jwegħidha xhur sħaħ.

Uħud minn dawn il-ħaddiema ma naqsux li jsemmu li bħalma l-Kabinett għaġġel biex japprova xi €4 miljun minn flus il-poplu l-għada tal-elezzjoni għal affarijiet oħra, huma jippretendu li wara sentejn l-istess Kabinett japprova dak li huwa tagħhom bla aktar dewmien.

Fi stqarrija li kienet ħarġet, il-GWU kienet ħeġġet lill-Gvern biex fl-iqsar żmien possibbli titwettaq il-wegħda elettorali li saret ma’ dawn il-ħaddiema ħalli ssir ġustizzja magħhom.

Fl-istess stqarrija l-GWU kienet innutat li “id-differenza bejn dan il-Gvern u l-Gvern Nazzjonalista hi li, filwaqt li dan il-Gvern huwa kommess li tinstab soluzzjoni tant li nnomina żewġ persuni biex jinnegozjaw mal-GWU, il-Gvern Nazzjonalista lanqas biss ried li jiddiskuti mal-GWU dwar il-każ.”
Minkejja f’dan, l-istess ħaddiema li kellmuna kkonfermawlna li dan mhux veru, għax il-Ministru tal-Finanzi ta’ dak iż-żmien Tonio Fenech kien iltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb mill-inqas f’żewġ okkażjonijiet.