Minkejja li l-kumpanija Toly batiet fil-manifattura u għaliha żdiedu l-ispejjeż f’Malta, il-Management ħaseb fit-tul, investa u ppjana sew biex din is-sena l-kumpanija għandha baġit akbar u tista’ tkompli tikber. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv ta’ Toly Andy Gatesy waqt żjara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel lill-kumpanija Toly f’Bulebel. Hu kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Manifattura Robert Arrigo.
Gatesy qal li l-kumpanija hi kommessa li tibqa’ ċċentrata f’Malta, tant li riċentament fetħet ukoll ċentru innovattiv li jkompli jorbot l-għeruq tal-kumpanija f’pajjiżna. Hu rringrazzja lill-Gvernijiet preċedenti li dejjem ħeġġew u inċentivaw lill-kumpaniji tal-manifattura ħalli jagħmlu l-qabża fil-kwalità. Qal li t-Toly għamlet din il-qabża u llum il-ġurnata qed tgawdi mill-frott ta’ din id-deċiżjoni.
F’diskors qasir, il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li hu onorat u kuntent li deċiżjonijiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti ħolqu ambjent biex din il-kumpanija u oħrajn jiffjorixxu. Madankollu fisser it-tħassib tiegħu li statistika wara l-oħra qed turi lil Malta tirreġistra tnaqqis fil-manifattura.
Il-kumpanija Toly bdiet topera f’Malta fl-1969 minn refuġjat mill-Ungerija. Illum il-ġurnata, topera mhux biss minn Malta, iżda wkoll mir-Renju Unit, l-Istati Uniti, Franza, il-Belġju, iċ-Ċina, il-Korea, l-Ażja u l-Brażil. F’Malta, Toly qed taħdem ukoll fuq numru ta’ proġetti mal-istudenti tal-MCAST, Kulleġġ li jista’ jservi ta’ akkademja importanti għall-kumpaniji lokali.
//= $special ?>