L-għawwiema Franċiża Camille Muffat, il-boxer Alexis Vastine u l-baħħara Florence Arthaud huma fost il-vittmi ta’ ħabta bejn żewġ helicopters f’inċident li seħħ fil-muntanji tal-provinċja La Rioja fl-Arġentina.
Il-vittmi huma fost grupp ta’ sportivi li kienu għaddejjin bil-ġbid tar-reality show ‘Dropped’,li tinvolvi fost l-aqwa sportivi Franċiżi, fosthom l-eks plejer tat-tim nazzjonali Franċiż tal-futbol Sylvain Wiltord, l-isnowboarder Anne-Flore marxer, il-figure skater Philippe Candeloro, l-għawwiem Alain Bernard u ċ-ċiklista Jeannie Longo.
Għad mhux magħrufa r-raġuni wara dan l-inċident, li seħħ f’kundizzjonijiet tat-temp tajbin. Ħadd minn dawk li kienu abbord ma salvaw, bl-inċident iħalli tmien Franċiżi u żewġ piloti Arġentini mejta.
Arthaud, li kellha 57 sena, kienet meqjusa bħala waħda mill-aqwa baħħara fid-dinja; mara li kisbet suċċessi kbar fi sport li kien strettament iddominat mill-irġiel.
Muffat, li kellha 25 sena kisbet tliet midalji fl-Olimpjadi tal-2002, fosthom id-deheb fl-400 metru freestyle waqt li Vastine, li kellu 28 sena, rebaħ il-bronż fl-Olimpjadi tas-Sajf f’Beijing, fl-2008.
‘Dropped’ kellu jixxxandar fuq l-istazzjon TF1, bl-isportivi jitniżżlu f’ambjent diffiċli għal avventura li matulha jridu jaraw kif se jsalvaw. Ir-reality show beda jinġibed lejn l-aħħar ta’ Frar, b’madwar tmenin persuna nvoluti.
//= $special ?>