Għawdex Lokali

Victor Galea Pace jingħata l-Aħħar Tislima

Fil-Parroċċa ta’ San Girgor f’Tas-Sliema, dalgħodu bdiet tingħata l-Aħħar Tislima lill-eks Deputat Nazzjonalista Victor Galea Pace, li miet il-Ġimgħa li għadda fl-età ta’ 72 sena. Fi Knisja mballata bin-nies, Victor ingħata tislima xierqa bħala persuna li dejjem ħadem kemm felaħ għall-Familja tiegħu, li tant kien iħobb.

Fi tmiem il-Quddiesa, il-Korteo ħalla Malta għal Għawdex, fejn aktar tard jingħata l-Aħħar Tislima wkoll minn dawk viċin tiegħu fil-gżira Għawdxija. Fil-fatt, fl-4pm se titmexxa Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat.

Għall-Quddiesa f’Tas-Sliema attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom l-Aġent President Dolores Cristina, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-President Emeritus Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Attendew ukoll numru ta’ Deputati u Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.

Victor Galea Pace serva għal numru ta’ snin fil-Parlament wara li ġie elett fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1996 u tal-1998. Fis-snin ta’ qabel, serva wkoll fil-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex, fejn kien ukoll l-ewwel Sindku tal-kapitali Għawdxija fis-snin li matulhom saru diversi proġetti importanti fil-lokalità.