Lokali

“Żbalji ta’ proċedura minħabba nuqqas ta’ esperjenza” – Il-Prim Ministru

Il-Każi li fihom il-Gvern instab ħati ta’ nuqqas ta’ governanza u trasparenza huma dovuti għal żbalji ta’ proċedura u minħabba nuqqas ta’ esperjenza. Din hi l-fehma tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tat-tieni sena tal-Gvern Laburista.

Muscat kien qed iwieġeb għal mistoqsija ta’ dan l-istazzjon li fiha kienu elenkati diversi każi ta’ ministri li nqabdu jaġixxu b’nuqqas ta’ trasparenza jew imġieba xierqa; fosthom il-binja illegali tal-farmhouse tal-Ministru Helena Dalli, l-indħil tal-Ministru Chris Cardona fl-għoti tat-tender għall-Casino ta’ Dragonara, il-vjaġġ lejn Spanja tal-Ministru Joe Mizzi qabel ma autobuses de Leon intgħażel bħala preferred bidder għat-trasport pubbliku, id-diversi każi fosthom dak tal-cover-up mill-eks Ministru Manuel Mallia, id-“direzzjoni ministerjali” tal-Ministru Konrad Mizzi dwar il-hedging tal-fuel u l-iskandlu tal-Cafe Premier bl-involviment dirett tal-PM.

Hu semma n-nuqqas ta’ esperjenza minkejja li Joe Mizzi u Helena Dalli kienu Ministri u Segretarji Parlamentari fil-Gvern ta’ Alfred Sant f’nofs is-snin disghin. Muscat kompla li fil-ħeġġa biex iwettqu, il-Ministri jaraw il-proċeduri taċ-Ċivil bħala burokrazija żejda.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, semma l-qasam tal-enerġija li ddeskrivieh bħala suċċess. Dan minkejja li kien qed jitkellem fil-jum li kien wiegħed li titlesta’ u tibda titħaddem Power Station ġdida. Hu qal li kien wiegħed li jirriżenja jekk ma jraħħasx il-kontijiet u mhux jekk ma jżommx il-wegħda li jibni power station fi żmien sentejn.

Fost oħrajn tkellem ukoll dwar il-kisbiet fil-qasam soċjali fosthom il-vot ta’ żagħżagħ li għalqu 16-il sena. Li ma semmiex iżda hu li ż-żagħżagħ kienu mċaħħda mid-dritt tal-vot fir-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa, u li kien għalih, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ma kienux isiru fil-11 ta’ April li ġej iżda fl-2019.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-Gvern għamel suċċess mill-ekonomija u l-impjiegi mingħajr ma ssemma biż-żieda qawwija fl-impjiegi mal-Gvern u ż-żieda qawwija fin-nefqa tal-Gvern li qed twassal għal żieda qawwija fid-dejn pubbliku.