Mario Papa, il-kap tat-taqsima ta’ kontra t-terroriżmu Taljana, qal li huma 65 dawk imlaqqma ‘foreign fighters’ (dawk li jmorru jissieħbu mal-ISIS u gruppi simili fl-Iraq u s-Sirja), b’rabta mal-Italja, u li issa rritornaw.
Papa qal li hu stmat li hemm tal-anqas 3,000 ‘foreign fighter’ fl-Iraq u s-Sirja, u nofshom kienu Franċiżi. Imbagħad hu stmat li fost oħrajn hemm bejn 800 u 1,000 mir-Renju Unit, 650 mill-Ġermanja u 400 mill-Olanda u l-Belġju. Mill-65 li rritornaw mill-Iraq u s-Sirja, għaxra huma ċittadini Taljani.
Papa qal dan waqt smigħ quddiem il-kumitat tal-Parlament Taljan inkarigat miz-zona Schengen.
Papa qal li l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni kontra l-ISIS, kif ukoll attakki oħra mill-art u l-ġlied intern fl-ISIS stess qed iħallu effett fuq il-‘foreign fighters’ li issa qed jaraw l-affarijiet iduru kontra l-grupp u ma tantx huma ħerqana li jibqgħu hemm. Għalhekk dawn qed jippruvaw jerġgħu lura lejn pajjiżhom jew tal-anqas f’pajjiż fiz-zona Schengen, peress li ladarba jidħlu jkunu jistgħu jduru faċilment mal-Ewropa. Papa qal li dan kien l-aktar aspett inkwetanti li wieħed ried iżommu taħt għassa kontinwa.
65 ‘foreign fighter’ b’rabta Taljana lura mis-Sirja u l-Iraq


