Lokali

Aġġornata: Il-UĦM tordna direttivi fil-Malta Public Transport, l-MPT twieġeb

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) illum infurmat lill-Malta Public Transport li għada l-Ħamis, bejn is-6pm u t-8pm, il-ħaddiema kollha tal-Malta Public Transport se jieqfu mix-xogħol fuq direttiva tal-istess Union.

Dan minħabba l-fatt li minkejja li l-UĦM kellha deċiżjoni fit-Tribunal Industrijali li tikkonferma li kellu jsir il-proċess tal-verifika, sal-lum il-ħaddiema tal-Malta Public Transport għadhom ma jistgħux isarrfu d-dritt li jagħżlu l-Union li jixtiequ. Il-UĦM ilha x-xhur issostni u tressaq provi ċari li għandha l-maġġoranza fil-Malta Public Transport. Madankollu, dejjem sabet xkiel biex isir il-proċess tal-verifika.

Sadanittant, fl-istess waqt li ġie ordnat it-twaqqif mix-xogħol tal-ħaddiema kollha tal-Malta Public Transport, il-UĦM, permezz tat-Taqsima Port u Trasport, se torganizza laqgħa għall-istess ħaddiema.

Il-UĦM hi determinata li twassal lill-ħaddiema tal-Malta Public Transport biex jagħżlu l-Union tal-għażla tagħhom, filwaqt li se taħdem id f’id mal-istess ħaddiema ħalli ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Aġġornament: Tweġiba mill-Malta Public Transport

Fi stqarrija, il-Malta Public Transport qalet li l-azzjonijiet imsejħa mill-UĦM huma “illegali” minħabba kwistjoni li għadha għaddejja fil-Qorti Ċivili wara talba mill-GWU.

Filwaqt li qalet li se żżomm lill-UĦM responsabbli għal kwalunkwe danni, il-kumpanija maħluqa mill-Gvern u mgħoddija f’idejn l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku hedded lill-impjegati li jobdu d-direttivi tal-UĦM b’azzjonijiet dixxiplinari għax, skont il-kumpanija, dawn ikunu qed jabbandunaw l-impenji tagħhom b’mod mhux awtorizzat.

Fl-istqarrija, Malta Public Transport qalet li temmen fid-dritt tal-impjegati li jagħżlu liema union iridu, għalkemm fakkret diversi drabi matul l-istqarrija fil-kawża li fetħet il-GWU fil-Qorti Ċivili.