Lokali

Agressjoni, ġlied u ħsara fuq karozza wara każ ta’ prostituzzjoni fil-Gżira

Il-Pulizija kellha tintervjeni wara li raġel deher jagħti daqqiet b’ħadida u jagħmel ħsara fuq karozza f’The Strand, il-Gżira. Fuq ġewwa tal-karozza, tat-tip Daihatsu Charade, l-uffiċjali tal-Pulizija nnutaw li kien hemm raġel ieħor b’wiċċu miksi bid-demm.

Iż-żewġt irġiel ittieħdu lejn l-Għassa ta’ Tas-Sliema, fejn waslet ukoll prostituta li taħdem fiż-żona fejn seħħ dan il-każ. Hi kienet diġa’ dehret titlajja iktar kmieni, u lil din l-prostituta l-uffiċjali tal-Pulizija kienu wissewha biex tidħol ‘il ġewwa u nfurmawha li jekk jerġgħu jinzertawha kienet se tiġi mmultata.

Jirriżulta li l-każ beda wara li r-raġel li kien ferut fil-karozza ltaqa’ mal-prostituta fi Triq Testaferrata u xtaq li jkollu x’jaqsam magħha. Madankollu hu qed jinsisti li wara li ħallasha, din ħarbet mill-karozza u hu ħarab jiġri warajha.

Imma sadattant il-prostituta laħqet ċemplet lill-għarus tagħha u qaltlu li kien hemm raġel li qed jiġri warajha u jheddidha.

L-għarus tagħha wasal fil-post u qabad jagħti lir-raġel, b’dan tal-aħħar jirritalja u jagħti lura biex jiddefendi ruħu. Imma hekk kif ir-raġel daħal fil-karozza, l-għarus tal-prostituta kisser ħġieġa tal-karozza, sab ħadida ftit bogħod minn fejn kienu u qabad jagħti fuq l-istess karozza tant li kkawża ħsara estensiva.

Wara li ntervjenew il-Pulizija, ir-raġel li kien fil-karozza ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei biex jingħata kura għall-ġrieħi li sofra f’wiċċu waqt li l-għarus tal-prostituta, li sofra ġrieħi ħfief, ittieħed lejn ċentru tas-saħħa u wara nżamm arrestat.