Hillary Clinton, l-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, ammettiet li kienet għamlet żball li meta kienet fil-kariga kienet tuża l-email personali għax-xogħol u mhux wieħed uffiċjali.
Fl-Istati Uniti nqalgħet polemika taħraq wara li sar magħruf li waqt li kienet Segretarju tal-Istat, hi kienet qed tuża email personali u b’hekk il-Gvern issa m’għandu rendikont ta’ xejn li ntqal.
Clinton, li issa qed tissemma bħala kandidat potenzjali tal-Partit Demokratiku għall-elezzjoni presidenzjali fl-2016, qed tkun akkużata li apparti n-nuqqas ta’ sigurtà għal dak li kien qed jinkiteb, kemm għal raġunijiet storiċi, kif ukoll ta’ xi investigazzjoni li jista’ jkun hemm, m’hemmx aċċess għal dawn l-emails.
Clinton issa tat l-aċċess lid-Dipartiment tal-Istat Amerikan għal 30,000 email ta’ dak iż-żmien. Imma hi ammettiet li kien hemm madwar 30,000 email oħra li kienet ħassrithom. Madankollu qalet li madwar nofs dak l-ammont kienu emails personali.
Clinton tammetti li żbaljat dwar l-emails


