Ewropa

David Casa jilqa’ miżuri għall-ħolqien tal-impjiegi fin-negozji żgħar

Is-Semestru Ewropew, li hu ċ-ċiklu annwali ta’ kordinazzjoni tal-politika biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa sal-2020, jista’ jintlaħaq biss jekk l-istati membri jwettqu b’mod tajjeb ir-rakkomandazzjonijiet mingħajr dewmien.
Il-kap tad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, qal dan waqt dibattitu dwar is-Semestru Ewropew fi Strasburgu.

Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tanalizza l-pjan ta’ kull pajjiż fejn jidħlu r-riformi għall-ekonomija b’mod ġenerali, dawk marbuta mal-baġit u riformi strutturali u tagħti rakkomandazzjonijiet għat-12 u 18-il xahar ta’ wara. Il-proċess jibda billi l-Kummissjoni Ewropea tadotta l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir.

David Casa faħħar l-istħarriġ li jidentifika prijoritajiet għall-ħolqien ta’ iktar postijiet tax-xogħol u ta’ tkabbir ekonomiku. Qal li jqis dawn iż-żewġ prijoritajiet bħala katalisti importanti għall-bidla li jista’ jkollhom impatt sinjifikanti.

David Casa laqa’ wkoll il-miżuri li ħadet il-Kummissjoni Ewropea billi indirizzat il-ħtiġijiet tan-negozji żgħar u medji (SMEs). Iddeskrivihom bħala inizjattivi li jippromettu u li għandhom jitwettqu mingħajr dewmien. Saħaq li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea imma jibqgħu mxekkla mill-burokrazija żejda. Għalhekk, sostna, hu ċar li jeħtieġ li jsir iktar f’dan il-qasam.

Casa saħaq li l-aħjar triq ’il quddiem hi dik bilanċjata li tirrispetta l-mudell soċjali Ewropew imma wkoll tħeġġeġ responsabilità fiskali.

L-Ewroparlamentari Malti, li hu l-kordinatur tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, qal li hu kuntent bil-kontribut li għamel il-kumitatt tiegħu fl-istħarriġ annwali u feraħ lir-rapporteurs għal xogħolhom.