Ir-referee Karl Frendo Cumbo, li lbieraħ safa aggredit u kawża t’hekk telaq mill-ground mingħajr ma saffar tmiem il-logħba tal-minors bejn St. George’s u Swieqi United qed jikkonsidra serjament jekk jerġax jirrefja u allura jekk jibqax referee tal-futbol.
F’komunikazzjoni li Frendo Cumbo bagħat lis-superjuri tiegħu, fosthom lis-Segretarju tal-MFA Bjorn Vassallo, ir-referee jgħid li dak li seħħ ilbieraħ kienet esperjenza xokkanti u trawmatika.
Fl-istess korrispondenza, ir-referee sostna li għadu ħaj għaliex hu fiżikament fit u kienu biss tnejn il-plejers li marru biex iħebbu għalih. Frendo Cumbo għamilha ċara li fil-preżent mhux dispost li jerġa’ jirrefja fil-futbol.
Ir-referee kkritika l-azzjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet meta jiġri xi ħaġa hekk u qal li mhux ħorox biżżejjed. Fil-komunikazzjoni tiegħu, Frendo Cumbo ndirizza lil Bjorn Vassallo u għamilha ċara li m’huwiex lest jaċċetta dan it-tip ta’ bullying u jekk xi darba kellu jirrefja partita oħra tal-futbol ma kienx se jibda l-partita jekk ma jkunx hemm biżżejjed sigurta’.
Frendo Cumbo temm il-komunikazzjoni tiegħu billi qal li qed jistenna bil-ħerqa biex jara x’deċiżjoni se tkun qed tieħu l-MFA wara dan l-inċident.
Replay jiżvela dak li hemm fir-rapport
Replay irnexxielu jakkwista r-rapport li r-referee Karl Frendo Cumbo kiteb wara l-partità tal-U19s bejn Swieqi United u St. George’s, li ġiet abbandunata wara li r-referee spiċċa aggredit.
It-tensjoni bdiet wara li skont ir-referee, Justin Degabriele ta’ St. George’s intenzjonalment ta daqqa ta’ sieq lil avversarju u tkeċċa fid-69 minuta. Għaxar minuti wara r-referee keċċa wkol lill-goalkeeper u captain ta’ St. George’s Omar Coleiro għax offenda għal erba’ darbiet lill-assistent referee.
Il-goalkeeper ipprova jħebb għar-referee u l-assistent tiegħu, bi sħabu jippruvaw iżommuh. Sadattant fil-grawnd ħareġ is-sostitut Helme Coleiro u dan wassal biex ir-referee ħarab jiġri lejn l-assistenti l-oħra.
Minn hawn l-argument kiber anke’ fost is-sostituti u bejn il-partitarji.
Wara ħames minuti r-referee reġa’ spiċċa affaċċjat minn Owen u Helme Coleiro ta’ St. George’s b’mod agressiv u perikoluż. Hu reġa’ pprova jevita lill-plejers imma rraporta li Owen ipprova jtih daqqa ta’ sieq waqt li bdew joffenduh.
L-istess referee kompla li Helme Coleiro saħansitra hedded li jagħmillu ħsara fil-karozza għaliex qal li kien jaf fejn ipparkja. Finalment il-kowċ ta’ St. George’s, il-barman u persuna oħra skortaw lir-referee lejn il-bar u ssakkru fuq ġewwa sakemm waslu numru ta’ uffiċjali tal-pulizija.
Din il-logħba diġa’ kienet bdiet 10 minuti tard għaliex il-grawnd dam ma nxtegħel.
Helme Coleiro jiċħad li ħareġ għar-referee
Fi stqarrija, il-plejer tal-minors ta’ St. George’s Helme Coleiro ċaħad dak miktub fil-konfront tiegħu fir-rapport tar-referee Karl Frendo Cumbo dwar dak li ġara fil-partita’ kontra Swieqi United.
Coleiro sostna li kien hu stess li talab lill-kowċ biex jinbidel minħabba “offiżi mill-partitarji ta’ Swieqi United.” Wara li kien sostitut, jgħid li daħal dritt fid-dressing rooms biex jinħasel u jbiddel u mhux minnu li daħal lura fil-grawnd biex jattakka lir-referee.
Helme Coleiro allega wkoll li meta wieħed mill-plejers ta’ St. George’s staqsa għaliex tkeċċa, ir-referee rrispondieh li ma rax sew x’ġara.
Akkuża wkoll lir-referee li qabad il-lasta tal-corner u ppunta lejn il-goalkeeper Omar Coleiro. Skont Helme, dan kien att ta’ vjolenza.
Helme mistenni jappella ladarba toħroġ id-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA.
Omar Coleiro jgħid li hu vittma
U fi stqarrija separata, anke’ l-goalkeeper u captain tal-minors ta’ St. George’s Omar Coleiro ċaħad dak li kiteb fir-rapport tiegħu r-referee Karl Frendo Cumbo.
Omar sostna li hu kien wieħed mill-vittmi tal-logħba tal-bieraħ kontra Swieqi United.
“Il-paniku beda meta r-referee keċċa lill-plejer tagħna Jason Degabriele għal ħaġa ta’ xejn u meta jien staqsejtu għala qalli li ma jafx għax ma rahx sew,” spjega Omar.
Kompla li għaxar minuti wara r-referee keċċa lilu wkoll. “Keċċieni għax għamilt kuraġġ lit-tim tiegħi u meta mort bil-ġirja fuqu biex insaqsih għala ħaseb li kont se naqbad intih. Qabad il-lasta tal-corner għalija,” sostna Omar Coleiro.
Bħal Helme Coleiro, Omar mistenni jappella ladarba toħroġ id-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA.
Iktar dwar din l-istorja fuq Replay (Net Television)
//= $special ?>