Il-Ministri tal-Gvern siekta dwar il-ħatriet li qed japprovaw fuq il-mertu ta’ persons of trust
Wara li 23 mistoqsija parlamentari li ma ġewx imwieġba mill-Ministri tal-Gvern ta’ Muscat dwar il-ħatriet li saru fil-Ministeri fuq il-mertu ta’ persons of trust, kalkoli dwar dawn il-ħatriet jindikaw li l-ispiża tal-Gvern tista’ titla’ sa €14-il miljun u €15-il miljun fis-sena. Fuq perjodu ta’ ħames snin ikun ifisser li l-ispiża tal-Gvern fuq dawn il-ħatriet tlaħħaq nefqa ta’ €70 miljun.
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo llejla kkritika fil-Parlament lill-Gvern għan-nuqqas ta’ informazzjoni meta qed jiġi mitlub iwieġeb dwar il-ħatriet approvati mill-Ministri u li qed isejħu bħala “persons of trust”.
Għal mistoqsija li ressaq lil kull ministeru, Robert Arrogo qal li jibqa’ jistenna lill-Gvern jagħti l-informazzjoni hekk kif it-tweġibiet li ngħata kienet waħda li l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra, b’dik is-seduta s’issa għadha qatt ma waslet.
Fisser li jikkalkula li jekk kull Ministeru approva madwar 16-il persuna ta’ fiduċja tal-Gvern, l-ammont jitla’ għal 368 persuna ta’ fiduċja maħtura mill-Gvern mingħajr ebda sejħa pubblika. B’salarju medju ta’ madwar €40,000 li jinkludu l-perkaċċi kollha marbuta mal-impjieg, iċ-ċifra tal-ispiża titla’ għas-somma ta’ bejn 14 u 15-il miljun ewro. Fuq perjodu ta’ ħames snin, l-ispiża titla’ għas-somma ta’ €70 miljun.
Appella lill-Gvern jagħti l-informazzjoni li qed tintalab dwar dawn il-ħatriet u jitkellem jew jikkonferma dwar din l-ispiża qawwija.
Robert Arrigo tkellem ukoll fil-ħin tal-Aġġornament dwar il-proġett tal-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali, li qal li l-Gvern qed jagħti żmien sal-aħħar ta’ Marzu għal kull min irid ikun parti u jaħdem f’dan il-villaġġ.
Filwaqt li ppropona li dan il-villaġġ għandu jiġi estiż ukoll għall-qasam tal-arti, u jiżviluppah f’Ċentru għas-Snajja u l-Arti, appella lill-Gvern jispjega aktar dwar il-kundizzjonijiet li qed jimponi għal dan il-proġett, u jgħin finanzjarjament lil dawk li qed iqisu bħala piż li ma jifilħux, iżda li jixtiequ jkunu parti minn dan il-villaġġ.
Irrimarka wkoll li f’dan il-proġett qed jissemmew miljuni biex jingħataw preferenzi lil xi ħadd.
Bħalma għamel fil-każ ta’ Cafè Premier, Robert Arrigo qal li l-Gvern għandu jieħu hu lura l-huts li huma mitluqa u abbandunati u li qed ikerrħu z-zona.
Il-Kelliem għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi, tkellem ukoll dwar ir-roħs ta’ 25% tad-dawl għall-industrija fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Robert Arrigo fisser kif minn dan ir-roħs, il-Gvern xorta se jkun qed imur aħjar hu, u jdaħħal il-flus mill-wegħda li għamel sentejn ilu lill-industrija. Spjega li meta l-Gvern għamel il-wegħda li jraħħas il-kontijiet, il-prezz taż-żejt kien ħafna aktar għoli minn dak li hu llum.
Quddiem id-dħul aktar tal-Gvern għaliex il-25% roħs mill-prezz li kien sentejn ilu ma jirriflettix l-ammont li jiġi llum bil-prezz li hu ħafna orħos, il-Gvern għandu jikkunsidra li din id-differenza tmur favur l-industrija, u dan biex l-industrija tkun aktar kompetittiva
Appella wkoll lill-Gvern ineħħi l-piżijiet bla bżonn minn fuq is-self-employed u s-sidien tal-ħwienet biż-żidiet fit-tariffi li qed jimponi fuq 400 servizz tal-Gvern. Staqsa li la darba l-Gvern qed jiftaħar li l-pajjiż sejjer tant tajjeb, għalfejn daħħal dawn it-taxxi li qed jolqtu wkoll lis-sidien tal-ħwienet u negozji żgħar.
//= $special ?>