Lokali

Il-binja tal-Parlament il-ġdid prattikament lesta

L-Avukat Zrinzo Azzopardi qal li l-binja tal-Parlament il-ġdid, f’ħafna partijiet tagħha, issa hi prattikament lesta. Biss, fi kliem l-Avukat Zrinzo Azzopardi, qal li minħabba s-sofistikazzjoni u x-xogħol bħalissa qed isiru l-aħħar analiżi finali. Hu tkellem dwar is-sular tal-uffiċċini tal-Ispeaker fejn ix-xogħol hu lest, ħlief għal affarijiet żgħar. Anki l-Kamra tal-Kumitat tinsab lesta fejn l-uniku biċċa xogħol f’dan il-livell tirrigwardja l-cameras.

Hu spjega li t-tieni sular fejn hemm l-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Ministri fejn ix-xogħlijiet huma avvanzati. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru hu wkoll jinsab fi stadju avvanzat sew bħall-board room li hemm taħt l-uffiċċju tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-livell tal-uffiċċini, spjega Zrinzo Azzopardi, għad fadal xogħol iktar minn żoni oħra iżda sal-14 ta’ Marzu x-xogħol ikun tlesta biex sat-23 ta’ Marzu l-kuntratturi jkunu ħarġu mill-binja. Dwar iż-żona ta’ reception, Zrinzo Azzopardi qal li l-aktar spazju avvanzat hu l-livell t’isfel. Saru wkoll testijiet fuq is-sistema tal-IT, l-air conditioners u l-impjanti oħra relatati.

Meta tkellem dwar is-sala tal-Parlament, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-istrangers gallery hi lesta mill-installazzjonijiet, bl-istess mod tal-post fejn ipoġġu d-deputati. Hu qal li se jkun hemm bidla fil-mod kif id-deputati jużaw il-parlament u użu ikbar tat-teknoloġija. Fl-aħħar sessjonijiet saru laqgħat mal-ħaddiema tal-parlament biex ikun hemm titjib finali.

Stefan Zrinzo Azzopardi qal li anki l-postijiet li minnhom jidħlu d-deputati huma lesti u sostna li x-xogħol li fadal hu relatat mal-fatt li jkun aċċertata l-funzjoni tal-parlament. Il-focus issa se jkun il-mod kif il-binja tgħaddi biex il-parlament jibda jiffunzjona waqt li bi prijorità se tingħata importanza kbira lill-aspett ta’ sigurtà.

Id-deputat Nazzjonalista David Agius qal li filwaqt li qed issir din il-preżentazzjoni, l-istazzjon nazzjonali PBS diġà għandu r-ritratti mtella’ fis-sit tal-aħbarijiet tiegħu.

Iktar tard, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu diġà tkellem mal-pulizija biex jintroduċi sistema fuq il-bażi tal-parlament Ingliż.

David Agius qal li għad mhemmx qbil li s-sigurta fil-parlament ssir mill-Pulizija flok l-Armata ta’ Malta. L-Ispeaker qal li l-FAM m’aċċettawx li jkunu responsabbli mill-Parlament. Hu qal li l-ħaddiema tal-parlament se jmorru sal-Parlament il-ġdid fis-27 ta’ Marzu 2015