Waqt li qed jiżdiedu l-iskandli u l-intejjen madwar il-Prim Ministru Joseph Muscat, kulma jgħid biex jiddefendi ruħu ma jistax jitwemmen. Għax il-Prim Ministru Muscat qed jinqabad f’gideb kontinwu dwar l-iskandli li qed jitħammeġ bihom.
Muscat ma jistax jitwemmen
Eżempju ċar hu s-sensiela sħiħa ta’ gidbiet li Muscat qal dwar l-iskandlu tal-Premier li fih hu mdaħħal hu stess b’mod dirett u personali. Sensiela sħiħa li ġiet elenkata pubblikament minn kelliema tal-Partit Nazzjonalista, li Muscat ma rreaġixxa xejn għaliha, u li kompliet tiżdied aktar ma qed isiru magħrufin fatti dwar dan l-iskandlu.
Ċeda kawża għal xiex?
Muscat qed jgħid li l-proċess biex jittieħed il-Cafè Premier lura bil-Qorti kien proċess li se jtawwal. Muscat gideb. L-Awditur Ġenerali bl-aktar mod ċar iddikjara li din kellha tkun it-triq li kellu jieħu l-Gvern. Muscat saħansitra ċeda minn jeddu l-kawża li kienet diġà bdiet qabel ma ftiehem; raġuni oħra għall-intejjen f’dan l-iskandlu.
Muscat lanqas qed jafda lil Owen Bonnici
U, hekk jew hekk, Muscat għandu l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici suppost qed iħaffef il-proċessi fil-Qrati. Tant qed jaħdem fuqha dil-biċċa li lanqas kellu ċans jirriżenja Owen Bonnici meta hu stess kien fuq il-bank tal-akkużati quddiem Maġistrata li bħala Ministru seta’ jlaħħaqha Mħallef. Lanqas id-diċenza li jirriżenja.
Muscat beża’ minn ċilindru tal-gass ineżistenti u mhux minn tanker gass
Muscat gideb meta qal ħallas €4.2 miljun biex ineħħi periklu tal-gass minn taħt il-Librerija. L-Awditur Ġenerali sab li ma kien hemm l-ebda gass. Muscat beża’ minn ċilindru ma jeżistix meta mhux jibża’ minn tanker gass li se jġib hu stess Marsaxlokk.
Il-kabinett ma ngħata l-ebda dettall
Joseph Muscat gideb meta qal li l-ħlas li ftiehem hu waħdu ġie diskuss fil-kabinett. L-Awditur Ġenerali juri li l-kabinett ma ngħatax dettalji dwar il-laqgħat u l-ftehim li għamel Muscat. U nafu li Muscat warrab għalkollox mill-biċċa kemm lid-Dipartiment kif ukoll lill-Kummissarju tal-Artijiet li rriżenja minħabba dan.
L-inkjesta saret fuq insistenza tal-Oppożizzjoni
Muscat gideb meta qal li refa’ r-responsabbiltà politika billi ħalla lill-Awditur Ġenerali jistħarreġ dan l-iskandlu. Gidba oħra. L-Awditur Ġenerali għamel l-inkjesta fuq dan l-iskandlu għax talbitu l-Oppożizzjoni. B’raj Muscat ma kien isir xejn.
Żball tal-Prim Ministru waħdu u ta’ ħadd aktar
Muscat gideb meta qal li dan kien żball amministrattiv jew ta’ proċedura. Gidba għax l-iżball hu tiegħu waħdu għax kollox għamel hu, sa mil-laqgħat qabel l-elezzjoni. Waħdu għax fil-fatt warrab lil kull min seta’ jmerih fl-amministrazzjoni.
Sensiela twila ta’ gideb biex jgħatti l-ħmieġ u jfewwaħ l-intejjen ta’ korruzzjoni
U hemm aktar gideb ta’ Muscat dwar l-aċċess għal-Librerija, il-kummerċjalizzazzjoni tal-post, kemm kellu laqgħat qabel l-elezzjoni u x’iddiskuta ma’ tal-Premier. U sensiela wkoll ta’ kumbinazzjonijiet, fosthom li Muscat żamm taħt idejh id-Dipartiment tal-Artijiet. Gideb u kumbinazzjonijiet ma jitwemmnux biex jgħatti l-ħmieġ u jipprova jfewwaħ l-intejjen ta’ korruzzjoni li ħerġin mill-kafè tal-Premier, kif qal tajjeb Simon Busuttil pubblikament.
//= $special ?>