Lokali

Il-Gvern għandu jippubblika immedjatament il-ftehim mas-SOCAR – il-PN

Il-Gvern għandu jippubblika immedjatament il-ftehim ta’ hedging li sar mal-kumpanija SOCAR tal-Ażerbajġan wara l-kwistjoni li qamet minħabba r-Rapport tal-Awditur Ġenerali, li wera biċ-ċar l-indħil dirett tal-Ministru Konrad Mizzi fil-hedges li saru.

Din il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġiet espressa f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u x-Shadow Minister tal-Ekonomija Claudio Grech.

Marthese Portelli sfidat lill-Ministru Konrad Mizzi jippubblika l-ftehim ta’ hedging mas-SOCAR għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-poplu għandu jkun infurmat kemm inxtara żejt mis-SOCAR u b’liema prezzijiet. Staqsiet għaliex ma teżistix id-dokumentazzjoni neċessarja li turi kif saru l-affarijiet mas-SOCAR u kif kien il-proċess tal-hedging.

Min-naħa tiegħu, Claudio Grech sostna li l-argument tal-Gvern ma jreġix meta qal li l-hedging sar biex il-prezz tal-fuels ma jiżdiedx. Dan mhux vera, sostna Caludio Grech, għax illum għandna l-ogħla prezz tal-petrol bla ċomb fl-Ewropa u t-tielet l-ogħla prezz tad-diesel.

Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali joħroġ ċar li ż-żewġ hedges mas-SOCAR ma sarux mill-Advisory and Finance Board, kif kien isir normalment. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu minn barra dan il-Bord wasslu għal telf ta’ miljuni.