Lokali

Il-Gvern Malti għamel negozju ta’ $67 miljun mal-Ażerbajġan

$67 miljun. Dan huwa l-valur tan-negozju li l-Gvern Malti għamel mal-kumpanija SOCAR, tal-Ażerbajġan, f’deal dwar ix-xiri taż-żejt.

Ftehim li ra l-indħil dirett tal-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, tant li l-aġir tal-Ministru Mizzi kien imċanfar f’rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali.

Waqt li l-valur totali tal-ftehim tax-xiri tal-petrol u d-diesel kien jammonta għal $67 miljun, għall-provista tal-fuels għal sitt xhur, it-telf tal-EneMalta f’dan il-perjodu kien jammonta għal $7 miljun, biex b’hekk il-prezz tal-fuel fis-suq jiġi fil-livell ta’ madwar $60 miljun.

U minkejja dan kollu, il-prezz tal-petrol bla ċomb u d-diesel f’Malta jibqa’ fost l-għola fost il-pajjiżi Ewropej.

Dan kollu tħabbar f’laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, fejn l-Awditur Ġenerali ippreżenta uffiċjalemtn ir-rapport dwar il-hedging, li jikkundanna wkoll l-indħil mill-Ministru Mizzi.

Bid-dettalji żvelati f’din il-laqgħa, jirriżulta li matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija EneMalta għamlet telf totali ta’ $14-il miljun.

Dwar il-każ tax-xiri taż-żejt u l-indħil mill-Ministru Konrad Mizzi, il-Partit Nazzjonalista iktar kmieni l-Erbgħa organizza konferenza tal-aħbarijiet fejn għamel appell qawwi lil Ministru Mizzi biex jippublika kull ftehim li għamel mal-kumpanija tal-Ażerbajġan.