Lokali

Il-membri tal-korpi dixxiplinati jistgħu jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom

Il-membri tal-korpi dixxiplinati kollha, mil-lum ‘il quddiem, jistgħu jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ta’ Kandja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-miżura, li l-membri tal-korpi jistgħu jissieħbu fi trade union mingħajr dritt ta’ strajk, se taffettwa lil madwar 4,000 persuna li sal-lum ma kinux rappreżentati u ma setgħux isemmgħu leħinhom. Dan id-dritt iġib miegħu responsabiltajiet kbar u ġodda, sostna l-Prim Ministru.

Joseph Muscat enfasizza l-punt li għażla tal-union hi kompletament f’idejn l-individwu u ħeġġeġ biex xejn u ħadd ma jinfluwenza din l-għażla filwaqt li saħaq li tkun liema tkun l-għażla ta’ kull membru, din se tkun rispettata skont ir-regoli industrijali kollha ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru ammetta li l-Korp tal-Pulizija tilef ir-rispett u jrid ifittex li jiksbu lura. Saħaq li r-responsabbiltà taqa’ fuq il-politiċi u fuq il-membri tal-korp bl-imġieba tagħhom ta’ kuljum.

Qal ukoll li hemm bżonn ta’ diskussjoni dwar l-immodernizzar tal-korpi dixxiplinati. Saħaq li hemm bżonn li tingħata importanza lir-realtajiet ta’ llum fosthom is-sehem tan-nisa fi ħdan il-korpi dixxiplinati, u li jkun hemm iktar family friendly measures.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-eks Ministru Manuel Mallia u lill-Ministru attwali Carmelo Abela għal xogħolhom biex il-liġi tidħol fis-seħħ.