Futbol Sport

Il-PDSC b’kontro proposta oħra…jissuġerixxu sebgħa plejers barranin

Il-bieraħ filgħaxija reġa’ iltaqa’ il-Premier League Standing Committee, din id-darba fil-grawnd ta’ Qormi FC. Il-klabbs tal-Premier, għalkemm fin-nuqqas ta’ Balzan FC li kienu skużati minn qabel, ftehmu li fir-rigward tal-kontro proposta imresqa mit-top management tal-MFA dwar punti marbuta mar-riforma tal-Players Status, għandhom imorru bi proposta oħra għand l-MFA. Dan qed isir wara li fost oħrajn it-top management tal-assoċjazjoni qed tipproponi lill-klabbs tal-Premier li flok tirregola l-ammont ta’ plejers barranin jkunu regolati l-ammont ta’ home grown plejers.

Kif ħabbar esklussivament Replay nhar il-Ħadd li għadda waqt il-programm fuq Net Television, it-top management tal-MFA qed jipproponi lill-PDSC li mal-lista tal-ewwel ħdax għal tim tal-Kampjonat Premier ikun hemm minimu ta’ ħames home grown plejers u minimu ta’ erba’ home grown plejers oħra fil-lista tar-riservi. Il-ħsieb wara din il-proposta hi li l-MFA tissalvagwardja t-talent lokali. B’din il-proposta, il-klabbs ikunu jistgħu jilgħabu sa massimu ta’ sitt plejers barranin fil-pitch.

Dalgħodu l-paġna ta’ Replay fuq Facebook qed tirraporta li minn informazzjoni li għandha, waqt il-laqgħa tal-bieraħ filgħaxija, il-PDSC qabel li kummissjoni apposta ta’ dan il-kumitat għandha tmur għand l-MFA b’kontro proposta oħra viċin għal dik li qed jissuġerixxi t-top management tal-MFA. Fost oħrajn, il-PDSC qed titlob li jinstab qbil dwar l-ammont massimu ta’ plejers barranin fil-pitch u li jkun ta’ sebgħa mingħajr ebda restrizzjoni ta’ mill-liema pajjiż ikunu ġejjien; iġifieri jistgħu jkunu kollha minn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea. Din il-proposta tfisser li l-ammont ta’ home grown plejers fil-pitch għal kull tim jinżel għal erbgħa minn kif propost mill-MFA. B’hekk f’termini sempliċi, dwar l-ammont ta’ plejers barranin, il-PDSC ikun naqqas plejer barrani wieħed mill-proposta oriġinali ta’ tmien plejers barranin.

Dwar punti oħra ta’ diskussjoni, jidher li t-top management tal-MFA u l-PDSC huma viċin li jaqblu dwar il-parametri u s-salary caps, hekk kif il-PDSC qed jipproponu li l-parametri jonqsu bejn 30 u 50 fil-mija waqt li s-salary caps se jkunu qed jitneħħew għal kollox.