Lokali Saħħa

Infermiera Maltin qed jitħallew bla xogħol

Hemm bżonn ta’ 600 infermier ġdid

Filwaqt li infermiera barranin ġew impjegati mill-ewwel malli waslu f’pajjiżna, mhux l-istess jista’ jingħad għal numru ta’ infermiera Maltin, li għadhom kemm temmew l-istudji tagħhom, u minflok bdew ħidmiethom fid-dinja tax-xogħol, spiċċaw fil-ktieb tar-reġistru.

Kien dan il-kliem tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, fi stqarrija li fiha talbet lil Gvern biex jindirizza din il-problema.
Paul Pace, il-President tal-MUMN, fakkar li f’pajjiżna għandna nuqqas ta’ 600 infermier, filwaqt li għandna proċess burokratiku ħafna għall-impjieg tagħhom.

Bħalissa hemm numru żgħir ta’ infermiera li għadhom qed jistennew l-approvazzjoni ta’ numru ta’ entitajiet tal-Gvern biex jibdew ħidmiethom, biex b’hekk mhu qed jagħtu l-ebda sehem fid-Diviżjoni tas-Saħħa.

Il-President spjega wkoll kif, korrispondenza uffiċjali b’emails lejn id-Diviżjoni tas-Saħħa, jixhdu li l-istess Diviżjoni lesta li timpjega lil dawn l-infermiera, iżda ma tistax tagħmel dan għalissa minħabba n-nuqqas ta’ approvazzjoni min-numru ta’ entitajiet oħrajn, fosthom PSC, PAHRO u PACBU.

L-appell tal-MUMN huwa għalhekk indirizzat lejn is-servizz ċivili, biex isir iktar effiċjenti. Il-Gvern għandu jieqaf milli jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ infermieri billi jimpjega infermieri barranin, filwaqt li jħalli l-infermiera Maltin fuq l-ixkaffa, temm jgħid Paul Pace.