Raġel mill-Kosta tal-Ivorju, li nhar it-Tnejn tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fuq pussess ta’ eroina mhux għall-użu esklussiv tiegħu, reġa’ tressaq il-Qorti, għal darba oħra akkużat, dan wara li l-Pulizija sabu fuqu borża kannabis meta mar il-ħabs biex jieħu l-affarijiet lura u jħallas il-pleġġ għall-ħelsien mill-arrest.
Mumen Traore Trabul, ta’ 35 sena, li wieġeb mhux ħati, reġa’ ngħata l-ħelsien mill-arrest, din id-darba mingħajr depożitu. Nhar it-Tnejn li għadda, Trabule ġie mixli li kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina,
Meta kien qiegħed barra ċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa s-Sibt li għadda. Huwa kellu fuqu 20 gramma eroina u ammont żgħir ta’ kannabis. Nhar it-Tnejn huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €450 u garanzija personali ta’ €7,000.
Madankollu meta kien qiegħed iħallas id-depożitu fil-ħabs, saret tfittixija fuqu hekk kif daħal, kif jiġri s-soltu. Kien dak il-ħin li l-Pulizija sabulu ammont ta’ kannabis u kien arrestat.
Għaldaqstant l-Ispetturi Gabriel Micallef u Spiridione Zammit illum, akkużaw lil Trabule b’pussess sempliċi ta’ droga, li sar reċediv, li pprova jdaħħal id-droga l-ħabs u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mill-Qorti.
Minkejja kollox u l-oġġezzjonijiet qawwija minn naħa tal-Prosekuzzjoni, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat mingħajr ma imponiet depożitu. Għall-imputat deher l-Avukat Joe Mifsud.
//= $special ?>