Għall-Prim Ministru Joseph Muscat, kollox hu regolari li l-Gvern jagħti impjiegi bħal cleaner, xufiera, messaġġiera u anke persuni li jieħdu hsieb il-klieb, bl-iskuża li dawn huma karigi fil-kategorija ta’ “persuni ta’ fiduċja”.
Muscat iġġustifika dawn l-impjiegi kontrovesjali meta wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li l-każ dwar dawn l-impjiegi tqajjem fil-Parlament minn Mistoqsija Parlamentari tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlamnet Mario de Marco.
Bla eżitazzjoni ta’ xejn, iffaċċjat mill-ġurnalisti dwar dawn l-impjiegi, il-Prim Ministru sab raġuni biex il-Gvern jiġġustifika dawn l-impjiegi. Dan minkejja li mit-Tweġiba Parlamentari rriżulta li erba’ Ministeri impjegaw bejniethom 64 persuna bħala “persuni ta’ fiduċja” f’impjiegi li jvarjaw minn cleaners, persuni li jieħdu ħsieb il-klieb, messaġġiera u anke persuni fil-kostitwenza.
L-erba’ Ministri responabbli għal dawn l-impjiegi huma Chris Cardona, Michael Farrugia, Helena Dalli u l-eks Ministru Manwel Mallia. Minbarra impjiegi f’pożizzjoni ‘l isfel fl-istruttura, il-Gvern impjega direttament ukoll persuni f’livelli għolja tat-tmexxija mal-Awtorità tal-Logħob u l-Lotteriji.
Irriżulta li l-Ministru Chris Cardona appunta 17-il “persuna ta’ fiduċja”, il-Ministru Michael Farrugia appunta 15, il-Ministru Helena Dalli appuntat 12 u l-Ministeru tal-Intern fi żmien Manwel Mallia impjega 10, fosthom wieħed li jieħu hsieb il-klieb fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
//= $special ?>