Internazzjonali

Konferma għal Berlusconi fil-każ ta’ ‘Rubygate’

L-Ogħla Qorti Taljana ħelset lill-eks-Prim Ministru u Kap ta’ Forza Italia Silvio Berlusconi minn kull akkuża ta’ prostituzzjoni ta’ minorenni, fil-każ magħruf bħala ‘Rubygate’.
Berlusconi kien mixli li kien ħallas għas-sess ma’ Kharim el Mahroug, li dak iż-żmien kienet għadha taħt l-età u kienet magħrufa bħala ‘Ruby’, meta kien jaf li din kienet taħt l-età, waqt serati li kienu jsiru fir-residenza tiegħu f’Arcore. Il-festini kienu tlaqqmu ‘Bunga Bunga’. Kien akkużat li kien abbuza mill-poter ta’ Prim Ministru biex għamel pressjoni fuq il-pulizija biex din ma nżammitx arrestata fl-2010.
L-eks-Prim Ministru, f’Lulju li għadda kien diġà rebaħ appell minn kundanna ta’ seba’ snin ħabs, iżda l-Qorti ta’ Milan, li ilha snin tiftaħ każi kontra Berlusconi, kienet appellat quddiem l-Ogħla Qorti fl-Italja.
Issa din il-Qorti kkonfermat l-innoċenza ta’ Berlusconi, u ċaħdet l-appell tal-Qorti ta’ Milan miż-żewġ akkużi, f’tal-ewwel għax hu ma kienx jaf li ‘Ruby’ kienet taħt l-età, u fit-tieni, għax kulma għamel hu kien skont il-proċeduri normali użati f’każi simili.
B’hekk issa l-każ ingħalaq, u Berlusconi, filwaqt li wera l-ferħ tiegħu li fl-aħħar saret ġustizzja miegħu, esprima d-determinazzjoni tiegħu li jkompli jagħti sehmu fil-politika u għall-pajjiż.
Iżda issa fadal l-inkjesta kontra persuni oħra, l-aktar tfajliet, li kienu jkunu preżenti fis-serati fid-dar tiegħu, mixlija b’korruzzjoni wkoll u li kienu xehdu falz favur Berlusconi.
L-osservaturi jemmnu li din l-inkjesta m’għadx hemm lokha, ladarba l-eks-Prim Ministru nħeles b’sentenza definittiva li f’Arcore ma kien jiġri xejn illegali.