Lokali Parlament

Kunsill mostru għall-arti b’Chairman Eżekuttiv b’poteri akbar minn ministru biex jinqdew Tagħna Lkoll

L-Oppożizzjoni hi favur bidliet iżda mhix lesta li tkun parteċipi f’liġijiet perikolużi li jistgħu faċilment jiġu abbużati minn dawk appuntati

L-Oppożizzjoni hi favur il-pass li jmiss għal aġġornament tal-politika tal-kultura u l-kreattività iżda kixfet fil-Parlament id-deċiżjoni politika ta’ dan il-Gvern, suppost ġdid u modern, li jmur lura għall-passat, lura għal gvern u politika ċentralizzata.

Ma taqbilx mal-proposta tal-Gvern ta’ Kunsill tal-Arti mostru li se jkun hu stess, u minnu nnifsu u waħdu, is-settur kollu. Se jkun qed jagħti l-fakultajiet u l-poteri lilu nnifsu, u mhux lis-settur b’Chairman Eżekuttiv b’poteri akbar minn ministru biex ikomplu jinqdew dawk li huma fil-qalba tal-hekk imsejjaħ moviment ‘Tagħna Lkoll’.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u Arti, id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar, għamel analiżi dettaljata ta’ dak li qed jipproponi l-Gvern fil-Parlament fl-Abbozz ta’ Liġi li jwaqqaf il-Kunsill Malti għall-Arti.

Fakkar li l-Att dwar il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti mgħoddi mill-Parlament fl-2002, fl-istess waqt li għadda wkoll l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, kien ir-riżultat dirett ta’ politika li kienet enfasizzat il-ħtieġa li jitwaqqfu entitajiet separati u distinti li kellhom jissostitwixxu d-Dipartiment tal-Kultura u d-Dipartiment tal-Mużewijiet li kienu jeżistu sa dak il-mument. Heritage Malta kienet twaqqfet bħala r-regolatur u l-operatur hekk kif il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti baqa’ għaddej bir-responsabbiltajiet tal-attivitajiet tal-Festi Nazzjonali.

Il-pjan ta’ gvern Nazzjonalista kien li titwaqqaf fondazzjoni ‘Festivals Malta’ biex il-Kunsill ikun entità ħielsa mill-obbligi li tikkordina l-festivals, u taħdem fid-direzzjoni strateġika bla ndħil fl-operat.

“Dan hu Gvern deċiż li jmur lura għall-passat għaliex iddeċieda li ma jifridx dawn iż-żewġ funzjonijiet ta’ direzzjoni strateġika għas-settur u events management, u minflok iwaqqaf direttorati li jiġbru flimkien taħt l-umbrella kbira tiegħu”, saħaq Joe Cassar.

Semma kif il-Kunsill tal-Arti qed jassumi wkoll ir-responsabbiltajiet tas-settur kollu tal-ekonomija kreattiva mibnija fuq il-patrimonju, l-arti, il-mezzi tax-xandir u s-servizzi ta’ negozju kreattiv.

Il-liġi l-ġdida, li tistabbilixxi l-isem ġdid tal-Kunsill – il-Kunsill tal-Arti – se tkun qed taggrava s-sitwazzjoni minħabba li l-Kunsill tal-Arti se jkun kemm regolatur kif ukoll operatur.

Tkellem ukoll b’enfasi, dwar it-tħassib tad-deċiżjoni ta’ Chairman Eżekuttiv, u fissirha prattika żbaljata. Iċ-Chairman se jkun qed jiġi vestit b’poteri u kontrolli fenomenali. Se jkun qed jiddeċiedi dwar il-politika u l-iffinanzjar, kif ukoll fuq ħafna affarijiet oħra. Chairman Eżekuttiv b’poteri akbar minn ministru.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni spjega li din il-kariga ddaħħlet fl-abbozz ta’ liġi biex ikun aċċertat li dawk li ħarġu għonqhom għall-moviment ta’ ‘Tagħna Lkoll’ ikunu favoriti.

Kompla jikxef dak li ma qalx il-Gvern dwar dan l-Abbozz – li ċ-Chairman Eżekuttiv se jkollu vot, se jkollu vot ieħor deċiżiv f’każ ta’ voti ndaqs, iżda mhu se jkun hemm ebda sistema ta’ kontrolli li jista’ jkollok biss meta jkun hemm bord xieraq u tim ta’ tmexxija separat.

L-Oppożizzjoni fissret li b’dispjaċir tinnota li l-Abbozz jonqos li jiddefinixxi u joħroġ id-distinzjonijiet meħtieġa bejn il-funzjonijiet u l-obbligi tal-operatur minn dawk l-entitajiet li jagħtu direzzjoni strateġika. Iċ-Chairman se jkun il-kap kemm tal-bord kif ukoll tal-parti eżekuttiva tal-Kunsill – poter assolut u kbir wisq sabiex ikun fdat f’idejn uffiċjal wieħed.

L-Oppożizzjoni ġenwinament tixtieq tipparteċipa f’dawn l-emendi meħtieġa, iżda mhux fil-mod kif qed ikun propost f’dan l-abbozz li se jkun qed iħalli impatt negattiv fit-tul f’dan il-qasam, u f’liġijiet perikolużi li jistgħu faċilment jiġu abbużati minn dawk appuntati.