TWISSJA: IL-FILMAT JISTA’ JIMPRESSJONA LIL XI NIES
Inqas minn sitt xhur qabel il-bidu tal-Logħob Ewropej fil-kapitali Baku, is-Soċjetà Dinjija għall-Protezzjoni tal-Annimali (WSPA) appellat lill-awtoritajiet tal-Ażerbajġan biex jieqfu jabbużaw minn klieb tat-triq.
L-appell imqanqal sar wara li ħareġ filmat li juri li klieb abbandunati kienu qed jinħarqu. F’intervista mal-BBC, id-direttur Ewropew tal-WSPA qal li sakemm l-Ażerbajġan iffirma l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tal-Annimali, din il-krudeltà hi vjolazzjoni diretta tal-prinċipji maqbula dwarhom.
Ruud Tombrok qal li biex wieħed jindirizza l-ħtieġa ta’ tnaqqis ta’ annimali abbandunati, hemm bżonn li jmur għall-proċess twil ta’ sterilizzazzjoni flimkien ma’ studju dwar ir-realtà fil-pajjiż. Fost l-annimali maħqura, skont din l-aġenzija, hemm ġriewi waqt li saħqet li l-annimali maqtula qed jintremew f’post wieħed imbagħad jinħarqu.
Skont il-BBC, ir-ritratti u filmati li ħarġu fuq l-internet dan l-aħħar ma jħallu ebda dubju dwar l-abbuż ta’ annimali abbandunati fil-pajjiż.
L-ewwel filmat li ħareġ fuq l-internet inġibed minn difensur għad-drittijiet tal-annimali Elena Simakina li l-kelb tagħha nqatel fit-toroq ta’ Baku. Hi segwiet lil min qatlu u sabet forn kbir bi fdalijiet ta’ diversi klieb li kienu qed jinħarqu.
Skont Elkhan Mirzoyev, li hu difensur ieħor tal-annimali fl-Ażerbajġan, il-kampanja li għaddejja fil-pajjiż hi “ġenoċidju tal-fawna”. Allega li l-ħaddiema tal-Kunsill ta’ Baku qed jisparaw fuq klieb kbar, isawtu ġriewi u jagħtu l-velenu lill-qtates. Allega li l-isparar fuq klieb f’Lerik seħħ taħt għajnejn il-Pulizija. Allega wkoll li ħaddiema ta’ Ministeri qed jispiċċaw iwettqu kaċċa illegali nkluż fuq ħnieżer slavaġ, ilpup, fniek u għasafar.
Insista li wara l-qtil massiċċ tal-klieb hemm interessi finanzjarji kbar, inkluż korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Akkuża lill-Gvern tal-Ażerbajġan li qed joqtol lill-annimali f’isem l-attivitajiet sportivi, l-istess kif għamel tliet snin ilu qabel il-Eurovision Song Contest. Fakkar li dakinhar kienu nġabru iktar minn 22,000 firma jappellaw għall-ħarsien tal-annimali.
//= $special ?>