Kuntratt u negozju mingħajr ir-rapport tal-awdituri tal-2013… bil-Gvern jistrieħ fuq rapport tal-2012 nieqes mid-dokumenti suffiċjenti
Fl-iskandlu ta’ Cafè Premier bl-involviment dirett tal-Prim Ministru, mhux biss tħallset is-somma ta’ €4.2 miljun iżda magħha tħallew f’għamara u apparat b’valur li jlaħħaq is-somma ta’ €288,000.
Mhux biss, iżda l-kuntratt u n-negozju sar mingħajr ir-rapport tal-awdituri tal-2013 bil-Gvern jistrieħ biss fuq l-aħħar rapport awditjat tal-2012, bl-istess rapport juri li ma kienx hemm id-dokumenti suffiċjenti.
Dan żvelah fil-Parlament illejla x-Shadow Minister Jason Azzopardi meta tkellem dwar kif il-Gvern ta’ Muscat fis-sentejn li ggverna, wettaq politika bil-kontra ta’ dak li wiegħed li kien se jkun il-Partit Laburista fil-Gvern.
Gvern, qal ix-Shadow Minister, li hu kollox barra trasparenti, gvern ta’ ingann u li qarraq bil-wegħdiet li kulħadd emmen fil-kampanja elettorali ta’ sentejn ilu.
Jason Azzopardi kompla jikkritika l-ingann tal-Gvern li ħeba u ddefenda għemilu bl-iskuża li seħħ xi żball, u saħaq li ma kienx żball iżda deċiżjoni konxja li l-Gvern ċeda kawżi fil-Qorti kontra l-kumpanija li kienet qed tmexxi l-Cafè Premier u ħafer €300,000 fi ħlasijiet dovuti f’kera u ċens.
Ħafer ukoll lill-istess kumpanija, kontijiet tal-VAT li jlaħħqu €227,000 u kontijiet tad-dawl li jlaħqu €130,000. Dan f’kuntrast li min jonqs minn dawn l-obbligi saħansitra jiġi kundannat il-ħabs.
Meta wettaq dawk li sejħilhom żbalji mill-Gvern, il-Prim Ministru ħalla barra min-negozjati lill-Kummissarju u lid-Direttur tal-Artijiet, u ta wkoll lil min xtara mingħandu, senserija ta’ €210,000, meta dan qatt u fl-ebda kuntratt ma jsir.
Kien l-istess Gvern ukoll li warrab offerta mill-privat, min-negozjant Anġlu Xuereb, li wera interess li jħallas l-istess ammont ta’ flus ta’ €4.2 miljun, bil-Gvern jiċħad l-offerta u jagħżel li jħallas minn flus il-poplu €4.2 miljun.
Jason Azzopardii qal li dan bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala xi żball, bħalma ma kien żball meta kaxkar saqajh fil-mozzjoni ta’ impeachment kontra l-Imħallef Farrugia Sacco.
Fl-iskandlu tal-Cafè Premier, ix-Shadow Minister irrimarka li lanqas ma kien żball li l-Prim Ministru uża email personali tiegħu biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Kap taċ-Ċivil biex imexxi fuq il-ħlas ta’ €4.2 miljun għall-Cafè Premier.
Semma u kkundanna wkoll l-aħħar skandlu li fih kien involut Ministru ieħor tal-Gvern ta’ Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi li ndaħal u involva ruħu fix-xiri tal-fuel mill-kumpanija mill-Ażerbajġan, SOCAR, li semma li hi fost l-aktar organizzazzjonijiet li dwarha hemm rapporti internazzjonali marbuta ma’ korruzzjoni.
Semma wkoll li minn 80 rapport dwar hedging, dwar tnejn biss ma nstabitx id-dokumentazzjoni meħtieġa, u dawn kienu rapporti marbuta mal-kumpanija SOCAR.
Semma wkoll kif il-Korporazzjoni Enemalta, taħt dan il-Gvern u bil-ftehim ta’ hedgings li saru, għamlet diġà telf ta’ €14-il miljun meta qabel kien qed isir profitt.
Is-seduta tal-Parlament tal-lejla qed tiġi preseduta mid-Deputat Laburista Marlene Farrugia minħabba li d-Deputat Speaker Ċensu Galea hu msiefer u l-Ispeaker kien qed jippresiedi l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamraa
//= $special ?>