Għawdex Lokali

Pulizija jheddu u jibbuljaw impjegati Għawdxin

Xeni xejn pjaċevoli dalgħodu f’wieħed mill-kuriduri tal-Ministeru għal Għawdex f’Victoria minn membri tal-Pulizija ħallew lill-persuni preżenti perplessi għall-aħħar bl-imġieba xejn korretta tagħhom.

Is-sit maltarightnow.com hu infurmat li dalgħodu, meta kompliet l-investigazzjoni mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Frodi dwar l-allegazzjonijiet li saru minn terzi, Pulizija ġabu ruħhom bl-aktar mod skorrett u abbużiv fir-rigward ta’ impjegati Għawdxin.

Aħna infurmati li fost l-oħrajn żewġ Pulizija bdew jheddu u jibbuljaw Direttur li jaħdem fl-istess Ministeru u li kulħadd jaf kemm hu metikoluż u rett fix-xogħol tiegħu.

Lil dan id-Direttur jidher li ż-żewġ Pulizija bdew jgħajtu miegħu f’wiċċu, jgħidulu kliem ta’ theddid u dan kollu biex jagħtihom dokumenti u riċevuti li u ripetutament stqarr li ma kellux.

Dan l-atteġġjament xejn pjaċevoli xejn ma niżel tajjeb mal-impjegati l-oħrajn li kienu fil-Ministeru u li ħadu impressjoni mill-aktar ħażina tal-imġieba ta’ dawn il-Pulizija.

Min-naħa tagħna dwar ir-rapporti li waslulna tkellimna mill-ewwel mal-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li qalilna li anki hu kien għadu kemm ġie nfurmat b’dan l-atteġġjament abbużiv u kien se jieħu passi dixxiplinarji b’mod immedjat għax affarijiet bħal dawn ma jagħmlux ġieħ lill-Korp tal-Pulizija, jagħmilhom min jagħmilhom.