Tfajla miż-Zimbabwe, imma residenti f’Londra u li kienet f’pajjiżna għal vaganza, allegat li ġiet stuprata minn żewġt irġiel barranin wara li ħadu lilha u lil ħabibtha f’appartament fiż-Żurrieq.
Jirriżulta li t-tfajliet, li għandhom 22 u 25 sena rispettivament, qalu li ltaqgħu mal-ġuvintur waqt li kienu fi stabbiliment tad-divertiment f’San Ġiljan. Filwaqt li kienu diġa’ xorbu ammont ta’ alkoħol, huma tilfu d-dokumenti tagħhom u ltaqgħu mal-ġuvintur li wegħduhom l-għajnuna.
Wara li ltaqgħu ma’ dawn il-ġuvintur, huma komplew jixorbu fil-kumpanija tagħhom imma ma jiftakrux kif filgħodu stenbħu f’appartament fiż-Żurrieq. It-tfajla ta’ 22 sena allegat li matul il-lejl l-irġiel kellhom x’jaqsmu magħha.
Imma minkejja l-allegazzjonijiet tagħha, it-tfajla ma setgħetx tindika lill-Pulizija fejn kien dan l-appartament, u ma identifikatx lanqas it-triq meta l-uffiċjali dawruhom mal-lokalita’.
Dan is-sit hu nfurmat li l-barranin waqqgħu l-akkużi wara li ġew imwissija mill-Pulizija dwar il-konsegwenzi jekk jinqabdu li gidbu. Dan għaliex fl-interrogazzjonijiet li sarulhom, il-Pulizija nnutaw numru ta’ inkonsistenzi.
//= $special ?>