Attivista favur id-drittijiet tal-bniedem li qed tinżamm arrestata f’dan il-pajjiż esprimiet inkwiet kbir li qatt mhi se terġa’ tingħaqad ma’ żewġha u bintha.
Leyla Yunus, li għandha 59 sena, u żewġha, Arif, kienu arrestati matul is-sajf mill-awtoritajiet tal-Azerbaijan li akkużawhom bi tradiment u li kienu spjuni għall-Armenja. Il-koppja Yunus qed tiċħad kategorikament li hi ħatja filwaqt li t-tnejn jinsistu li hemm skop politiku wara l-każ tagħhom.
Intant, għadha kemm ħarġet fil-pubbliku ittra li Leyla Yunus kitbet lil Arif (li qabel il-proċess tal-qorti qed jinżamm f’post separat) biex tgħidlu dwar il-biża’ li qed tħoss minħabba l-possibbiltà kbira li mhumiex se jeġgħu jkunu flimkien.
Din l-attivista bassret li hi u żewġha, din is-sena, iridu jgħaddu minn proċessi tal-qorti finta ‘bi stil ta’ ċirklu’ u jispiċċaw ikkundannati għal bejn għaxar snin u ħmistax-il sena priġunerija.
Il-Punent ilu jikkundanna l-abbużi tad-drittijet tal-bniedem fl-Azerbaijan li hu mmexxi mill-President Ilham Aliyev. Fost oħrajn, qed jispikka l-każ tal-ġurnalista investigattiva, Khadija Ismayilova – kontributur għal ‘Radio Free Europe/Radio Liberty’ – li xhur ilu ntefgħet il-ħabs, wara li kixfet il-korruzzjoni ‘rampanti’ tal-Gvern ta’ Aliyev.
Ismayilova beħsiebha tiżvela aktar każi ta’ korruzzjoni mill-Gvern, fost indikazzjonijiet li ngħatat il-piena ta’ priġunerija għal akkużi infondati u wara li rrappurtat dwar il-finanzi tal-President Aliyev kif ukoll ta’ martu, Mehriban Aliyeva, u wliedhom.
Ismayilova tinsisti li l-korruzzjoni fl-Azerbaijan ‘tinħass mill-kbir saż-żgħir – mill-President Aliyev sal-iżgħar uffiċjal’. Dan meta l-korruzzjoni politika fil-pajjiż saret tirrappreżenta l-akbar sfida għall-kumpaniji barranin.
Is-sistemi li jippermettu r-rikatt, it-tixħim u l-għażla tal-favoriti ħallew impatt negattiv għall-kummerċ fl-Azerbaijan fejn naqqsu l-opportunità għall-kompetizzjoni tas-suq xierqa. Fl-istess ħin, il-ġudikatura dgħajfa fl-Azerbaijan u n-nuqqas tal-infurzar tar-regolamenti qed iwasslu biex l-uffiċjali tal-Gvern jaġixxu kif iridu.
Intant, il-burokrazija u l-korruzzjoni fl-Azerbaijan esponew lill-kumpaniji għal ċirkostanzi b’element ta’ sogru qawwi. Dan għaliex filwaqt li l-liġi tal-Azerbaijan tipprojbixxi t-tixħim ta’ uffiċjali barranin, hu probabbli li l-kumpaniji qed jiffaċċjaw id-domandi għal ħlas biex jiffaċilitaw il-proċessi minbarra tipi oħra ta’ ħlas informali.
Tħassib dwar l-abbuż tad-drittijiet umani bi skop politiku fl-Azerbaijan
