Uffiċjal tas-sigurta’ waqqaf barrani li pprova jitlaq minn stabbiliment tal-ħwejjeġ u l-moda f’Tas-Sliema b’numru ta’ oġġetti li ma kienx ħallas għalihom. Madankollu r-raġel ħarab mill-post hekk kif ġie nfurmat li l-Pulizija kienu avżati.
Jirriżulta li malli r-raġel kien ħiereġ mill-ħanut, daqq l-alarm u wara tfittxija li saritlu nstabu numru ta’ oġġetti moħbija f’xi basktijiet li kellu. Fost l-affarijiet li nstabu kien hemm xi pari taż-żraben għal valur ta’ mhux iktar minn €100.
Hu nżamm mill-uffiċjal tas-sigurta’ imma hekk kif dan ċempel lill-Pulizija, il-barrani telaq jiġri fid-direzzjoni tal-Gżira.
Waqt li bdiet tfittxija mill-Pulizija tul il-promenade tal-Gżira, is-sid tal-ħanut informa lill-uffiċjali li minn filmati tas-sigurta’ ġie stabbilit li r-raġel kien akkumpanjat minn mara.
Ftit tal-ħin wara l-Pulizija nnutaw lil din il-mara li twaqqfet u ttieħdet lura fil-ħanut. Hemm hi ċemplet lir-raġel li rritorna lura fil-ħanut u ġie arrestat bl-għajnuna tal-uffiċjali tal-RIU u ż-żewġ persuni ttieħdu lejn l-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Iktar tard mal-ġurnata l-Pulizija għamlu tfittxija fir-residenza tal-barranin, f’San Ġiljan, li madankollu rriżultat fin-negattiv.
//= $special ?>